– Edwin Vassallo, PN
Id-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo qal fil-parlament li l-poplu Malti qed jibża’ mill-coronavirus iżda f’Malta hawn sitwazzjoni iktar tal-biża’ minn din; din hi l-imwiet li seħħew qabel iż-żmien u li f’Marzu 2019 kien rappurtat li dawn jammontaw għal 576 mewt ta’ persuni qabel iż-żmien minħabba problemi fin-nifs ikkaġunati mill-ħmieġ fl-arja. Il-pajjiż għandu bżonn siġar, l-għelieqi u l-veġitazzjoni għaliex dawn għandhom valur ambjentali; il-pajjiż ma jistax jgħaddi mingħajr l-għelieqi u l-bdiewa.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-gvern ma jistax jiftaħar li jimpartah mis-saħħa tan-nies meta hu stess avża lill-bdiewa fil-Magħtab li se jkabbar il-miżbla u jeħdilhom l-art agrikola. Hu qal li llum din m’għandhiex engineered landfill iżda reġgħet saret miżbla bla ma ssir separazzjoni tal-iskart. Dan hu skandlu ambjentali li qed iseħħ meta l-gvern qed jieħu l-fondi mill-UE biex jitratta l-iskart.
Id-deputat Nazzjonalista qal li issa inkixef l-iskandlu tal-ħallata ballata fil-miżbla tal-Magħtab; liema skandlu se jibqa’ jseħħ għal seba’ snin oħra. Issa l-gvern irid jieħu art agrikola daqs 35 ground tal-football għalkemm il-bdiewa jsostnu li l-gvern qed jippjana li fil-fatt jieħu 400 tomna art. Dan hu ħafna għal pajjiżna, sostna Edwin Vassallo, li kompla li din hi problema ta’ pajjiż sħiħ. L-ebda gvern qatt ma ħa dan l-ammont ta’ art f’daqqa.

Edwin Vassallo staqsa kif il-Ministru tal-Agikoltura ma jitkellimx f’isem il-bdiewa u appella għal-laqgħa biex issir ħidma flimkien bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni. Il-gvern dejjem aċċerta lill-bdiewa li mhux se tittieħed art biex tiżdied il-miżbla għax hekk kien qallhom l-ex Ministru Josè Herrera. Il-bdiewa issa qed jistaqsu wkoll jekk dak li kien jagħmel il-Ministru Herrera kienx kollu ħażin.
Il-Ministru Herrera għandu jiddefendi wkoll l-unur tiegħu wara li l-Ministru Refalo anki keċċa lin-nies ta’ Josè Herrera mill-Wasteserv. Il-Ministru Aaron Farrugia għandu jwieġeb fil-parlament billi jagħmel stqarrija ministerjali u jpoġġi d-dokumenti dwar l-impatt ambjentali fuq il-lokalitatjiet tal-madwar u fuq is-settur turistiku. Gvern Nazzjonalista kien qed jippjana park nazzjonali fil-Magħtab waqt li gvern Laburista qed jestendi l-miżbla.

gvern Laburista reġa’ għamel miżbla
Edwin Vassallo staqsa kif l-ex Ministru Herrera qatt ma qal lill-bdiewa li se titkabbar il-miżbla, għaliex tkeċċew diversi ħaddiema fil-Wasteserv, jekk dawn il-persuni humiex kontra l-proġett tat-teħid tal-għelieqi, jekk hemmx pjani lesti ili 226 tomna art se jittieħdu fil-Magħtab biex nies jieħdu l-ħamrija, biex jeskavaw il-franka u jbiegħuha lill-gvern, jekk hux se jeskavaw il-blat tal-qawwi, min huma dawn il-persuni li magħhom sar ftehim diġà, kemm huma l-fondi tal-UE tat lill-gvern biex iwettaq il-proġett ta’ riċiklaġġ; liema proġett baqa’ ma sarx u mhux se jsir għas-seba’ snin li ġejjin.

sitwazzjoni li se tibqa’ sejra għal seba’ snin oħra
Il-gvern għandu jwieġeb ukoll dwar kemm huma l-flus li nħarġu mill-poplu għall-proċess ta’ riċiklaġġ u għaliex se tittieħed din l-art kollha meta l-ex prim ministru Joseph Muscat kien qal li m’hemmx bżonn din l-art kollha.
//= $special ?>