Internazzjonali Saħħa

CORONAVIRUS: Pajjiżi varji jaddottaw miżuri stretti fil-konfront tal-Italja

Diversi pajjiżi Ewropej fl-aħħar 24 siegħa irrappurtaw l-ewwel każi ta’ Coronavirus, fosthom il-Kroazja, l-Iżvizzera u l-Awstrija. Dan hekk kif bosta gvernijiet qed jagħlqu l-bibien tagħhom għall-persuni ħerġin mill-Italja.

B’kuntrast għal dan, wara laqgħa li saret fl-aħħar sigħat, il-Ministri tas-Saħħa ta’ Franza, il-Ġermanja, l-Italja flimkien mal-Kummissjoni Ewropea kkommettew ruħhom li jżommu l-fruntieri miftuħa.

L-Italja hi l-agħar pajjiż fl-Ewropa milquta minn dan il-virus fejn kienu rrappurtati 325 każ u 12-il fatalità.

Ħarsa lejn dak li ħabbru pajjiżi varji fl-aħħar jiem:

  • L-Iraq, il-Kuwajt, il-Ġordan u s-Seychelles mhux jaċċettaw wasliet ta’ nies mill-Italja
  • Iżolament volontarju għan-nies li deħlin fir-Renju Unit
  • Kontrolli aktar stretti fl-Eġittu, l-Ukrajna u l-Moldova għal dawk ġejjin mill-Italja
  • Franza, ir-Russja, Spanja, il-Kroazja, Iżrael, u l-Olanda qed iwaqqfu vjaġġi minn pajjiżhom lejn ir-reġjuni milquta fl-Italja

Fi żviluppi oħra, il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte appella sabiex in-nies joqgħodu attenti mill-fake news. Per eżempju, qal Conte, mhux ceru li ingħalqu l-iskejjel kollha fl-Italja, iżda ingħalqu biss dawk l-iskejjel li jinżamu fiz-zoni l-aktar milquta.

L-irħula u l-ibliet Taljani li inżammu taħt lockdown illum daħlu fir-raba’ jum tagħhom fi kwarantina.

Giuseppe Conte insista li l-pajjiż m’għandux jinħakem minn paniku, għaliex għall-Italja l-agħar xenrju jkun li din is-sitwazzjoni titfa’ lill-pajjiż f’riċessjoni.

Intant dalgħodu kien konfermat ukoll l-ewwel każ ta’ Coronavirus fil-Brażil. Ir-raġel kien għadu kif wasal lura mill-Italja, u nżamm taħt osservazzjoni.

L-allarm internazzjonali tal-Coronavirus qed jaffetwa wkoll diversi avvenimenti sportivi. Din il-ġimgħa, il-Prim Ministru Ġappuniż Shinzo Abe appella biex jiġu posposti l-Olimpjadi ta’ Tokjo…filwaqt li fi tmiem il-ġimgħa se jerġa’ jkun affetwat il-logħob tas-Serie A.