Lokali

Flus il-poplu qed imorru għand il-ftit magħżula

Il-Partit Nazzjonalista se jibqa' jinsisti li dan il-kuntratt maħmuġ għandu jitħassar malajr kemm jista' jkun

Ma’ kull ġurnata li tgħaddi, l-Prim Ministru Robert Abela qiegħed jippermetti s-serq mill-bwiet tan-nies. Dan ħareġ biċ-ċar aktar illum, hekk kif il-midja żvelat kif l-ex-CEO ta’ Vitals Ram Tumuluri ta lilu nnifsu bonus ta’ €5 miljuni mill-flus tal-poplu.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Stephen Spiteri qal li dan kollu ftit xhur qabel ma’ l-Vitals żarmat l-operat tagħha u biegħet il-konċessjoni tal-isptarijiet lil Steward. Din ir-rivelazzjoni skandaluża tkompli tikkonferma dak li ilha tgħid l-Oppożizzjoni Nazzjonalista, li dan il-kuntratt kien intiż mill-bidunett biex iħaxxen il-bwiet tal-ftit magħżula bi flusna filwaqt li jħalli lill-bqija tal-poplu Malti b’sistema tas-saħħa li sejra lura flok ‘il quddiem. Din ir-rivelazzjoni tkompli turi l-qerq wara dan il-kuntratt li jiffavorixxi lill-barranin u jiżvantaġġja lil pajjiżna.

Konrad Mizzi ddeċieda li jneħħi d-dritt tal-Gvern ta’ garanzija ta’ €9 miljuni mingħand Steward mentri Vitals ħallew €36 miljun f’dejn li għalih spiċċaw jagħmlu tajjeb in-nies. Steward iridu li jingħataw iżjed konċessjonijiet u aktar għajnuna finanzjarja u dan wara laqgħa li kellhom ma’ Robert Abela fejn kien hemm preżenti wkoll Joseph Muscat.

Dan kollu wassal biex diversi unjins u esperti ddeskrivew dan il-kuntratt bħala fallut. €240 miljun li setgħu ġew investiti f’ħafna setturi oħrajn fejn jibbenefika l-familji. Filwaqt li l-Gvern qassam ċekk ta’ €15, kieku dawn il-miljuni kollha tqassmu lill-familji Maltin u Għawdxin kull familja kienet tieħu €2,400 jew €400 kull sena.

Għalhekk, l-Oppożizzjoni se tibqa’ tinsisti li dan il-ftehim jintemm filwaqt li lesta toffri l-għajnuna kollha tagħha lill-Gvern sabiex dan isir. Robert Abela għadu sal-lum jaħrab milli jieħu deċiżjoni.  Sakemm ma jneħħix dan il-ftehim, il-Prim Ministru u l-Gvern Laburista huma responsabbli għas-serq ta’ flus tan-nies.