Lokali Parlament

Il-gvern falla fl-ambjent…effetti negattivi fuq iż-żona tal-Mellieħa u l-madwar

– Robert Cutajar, PN

Id-deputat Nazzjonalista u Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar qal li l-gvern falla fl-ambjent b’effetti negattivi fuq iż-żona tal-Mellieħa u l-madwar.

Fil-parlament Robert Cutajar qal li r-residenti tan-Naxxar, San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa qed jiffaċċjaw diversi sfidi ambjentali fosthom fit-toroq u fl-iskart.

Dwar il-miżbla tal-Magħtab, Robert Cutajar qal li l-ewwel vittmi ta’ kull deċiżjoni se jkunu r-residenti tas-Salini u tal-lokalitajiet tal-madwar fosthom in-Naxxar, il-Qawra, Buġibba u l-Għargħur. Hu kkundanna l-aġir bla konsultazzjoni tal-gvern mal-kunsilli lokali u r-residenti dwar l-estenzjoni tal-miżbla Magħtab. L-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali wkoll ikkundannat dan l-atteġġjament tal-gvern.

L-ebda riċiklaġġ fil-miżbla tal-Magħtab

Id-deputat Nazzjonalista qal li dawn l-aġenziji qed jgħaddu minn fuq il-kunsilli lokali u sostna li kien qed jippreżenta petizzjoni iffirmata mill-bdiewa li se jkunu effettwati minn din id-deċiżjoni tal-gvern. Din il-petizzjoni għandu jkollha wkoll l-appoġġ tar-residenti.

F’Mejju 2018, il-Ministru Herrera u uffiċjali tal-MEPA għamlu preżentazzjoni fil-Kumitat għall-Ambjent fejn intqal li l-ambjent eżistenti tal-Magħtab għandu jkun protett u li l-attività agrikola wkoll għandha tkun protetta. Illum il-gvern b’arroganza se jieħu ammont kbir ta’ raba’ li se tinħadem fiż-żona.

Robert Cutajar qal li minkejja l-kampanji tal-Gvern, fosthom ‘Sort it out’, l-istess gvern qed jikser l-istess skemi billi l-iskart qed jitħallat fil-miżbla. Il-gvern falla fl-ambjent fil-pajjiż, sostna Robert Cutajar, li kompla li l-gvern għandu jikkonsulta qabl jiddeċiedi.

L-istess gvern iddeċieda, bla ma intwerew l-istudji, li l-inċineratur se jsir ukoll fil-Magħtab. Il-gvern għandu jikkonsulta dwar dan. Il-gvern għandu jpoġġi l-istudji kollha fuq il-mejda tal-Kamra għaliex trid tittieħed ħafna art agrikola għal dan l-inċineratur

Bla konsultazzjoni l-gvern qe djibqa’ għaddej minn fuq l-art agrikola fil-MAgħtab

Dwar San Pawl il-Baħar, hu appella biex Triq San Pawl sal-knisja tax-Xemxija tkun irranġata minħabba li din hi waħda mill-agħar toroq li hemm. Jidher li l-WSC qed tgħid li m’għandhiex finanzi biżżejjed biex tibdel is-servizzi li hemm f’din it-triq twila iżda dan mhux ġust mar-residenti u l-pubbliku li juża din ittriq ewlenija.

Robert Cutajar qal li fil-Mellieħa hemm il-problema ta’ aċċess fit-triq tal-Miżieb u l-Manikata kull meta jkun hemm inċident fejn qed jinħoloq ammont kbir ta’ traffiku. Hu qal li l-gvern rema’ l-proposta li kien hemm fit-10T biex tissolva din il-problema. Il-gvern għandu jistudja din il-problema biex tinstab soluzzjoni.