Lokali

Il-Prim Ministru Robert Abela jikkonferma l-ammont kbir ta’ immigranti

Il-Prim Ministru Robert Abela ammetta li Malta qed taffaċċja diffikultajiet dejjem akbar b’rabta mal-immigrazzjoni. Dan hekk kif sa issa qabeż l-1,000 in-numru ta’ immigranti li daħlu f’pajjiżna.

Id-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela, laqgħa mal-Kummissarju Ewropew Għall-Intern, Ylva Johannson f’Kastilja, tikkonferma dak irrappurtat minn Net News fl-aħħar jiem.

Inqas minn għaxart ijiem ilu żvelajna li l-awtoritajiet kienu qed jaħbu ċ-ċifri reali tal-wasliet tal-immigranti.

Sa mill-bidu tas-sena ‘l hawn kien irrappurtat li daħlu kwazi 750 immigrant f’pajjiżna iżda sorsi ta’ dan l-istazzjon kienu stqarrew magħna li dan l-ammont jinkludi biss l- immigranti li salvaw jew indunaw bihom l-għaqdiet mhux governattivi li joperaw bastimenti ta’ tiftix u salvataġġ fil-Mediterran.

Apparti dawn, jidher li hemm mijiet oħra li ddaħħlu f’Malta wara li ndunaw bihom il-Forzi Armati ta’ Malta, bis-suldati Maltin li wettqu s-salvataġġ u ġabuhom lejn pajjiżna.

Madankollu l-awtoritajiet Maltin qed iżommu fommhom sieket dwar dawn il-każi kollha, kemm dawk li ndunaw bihom il-Forzi Armati ta’ Malta kif ukoll dawk li nterċettaw l-għaqdiet mhux governattivi.

Filfatt, id-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru li f’pajjiżna daħlu 1,000 immigrant hu 250 immigrant iktar minn dak rappurtat s’issa.

Iċ-ċifra ma tawgurax tajjeb għall-kumplament tas-sena meta wieħed iqis li fl-2019 daħlu f’Malta 3,400 immigrant.

Filfatt is-sitwazzjoni fil-Mediterran fl-aħħar sigħat kompliet tkun waħda ta’ sfida… tant li fl-Italja daħal il-bastiment Sea Watch li abbord kellu 192 immigrant abbord.