Lokali

Jeħtieġ li nieħdu kull prekawzjoini neċessarja – Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista

Mingħajr ma nżidu allarm li m’hemmx bżonnu, Solidarjeta’ Ħaddiema Partit Nazzjonalista, tħeġġeġ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin sabiex jieħdu l-prekawzjonijiet bażiċi u neċessarji fir-rigward tat-tixrid tal-virus COVID 19 jew kif inhu magħruf aħjar il-Coronavirus.

SĦPN tħeġġeġ ukoll sabiex min iħaddem isegwi l-linji gwida maħruġa mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-Xogħol (OHSA) u jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex il-mard fost l-impjegati ma jinfirixx. Dawn il-miżuri huma simili għal meta jfeġġ l-istaġun tal-influwenza u kull mard ieħor li jittieħed bl-istess mod. Fi kliem sempliċi l-OHSA tirrakkomanda li:

  • ħaddiema li jħossuhom ma jifilħux jibqgħu id-dar sakemm jingħataw parir mit-tabib tagħhom;
  • kulħadd għandu jgħatti ħalqu f’kaz ta’ sogħla jew għatis;
  • l-ħasil tal-idejn għandu jsir b’mod frekwenti bis-sapun u ilma għal madwar 20 sekonda jew permezz ta’ disinfettant ( alcohol sanitizer);
  • ikun evitat kemm jista’ jkun il-kuntatt tal-idejn mal-ħalq jew l-imnieħer;
  • ikun osservat almenu distanza ta’ metru bejn persuna u oħra speċjalment jekk xi ħadd minn dawn it-tnejn ikullu sintomi ta’ influwenza;

L-OHSA tenfasizza wkoll li kull min iħaddem għandu jipprovdi:

Postijiet tax-xogħol b’ventilazzjoni u ċirkolazzjoni t’arja friska adekwata;       Jara li jillimita s-safar f’postijiet fejn hu magħruf li l-virus diġa’ jeżisti;
U li jikkonsulta mal-Awtoritajiet tas-Saħħa f’każ ta’ impjegati li jkunu ġejjin minn dawn il-pajjiżi.

SĦPN tħeġġeġ ukoll lill-Gvern sabiex :

  • fl-iskejjel mill-primarja sal-Università jitneħħew it-toilets “gender neutral” sabiex kemm jista’ jkun titnaqqas ir-riskju ta’ infezzjonijiet;
  • jitwaħħlu fl-iskejjel u f’postijiet pubbliċi hand sanitizers;
  • Il-latrini pubbliċi jinżammu nodfa u jkun hemm is-sapun neċessarju;
  • Li tal-linja jkunu diżinfettati b’mod frekwenti iktar minn darba kuljum;

SĦPN tħoss ukoll li l-Gvern m’għandux jibqa’ jmexxi lil dan il-pajjiż b’management by crisis u jibda jaħseb bil-quddiem għal kull eventwalita’. Il-fatt li pajjiżna għandu biss 14-il sodda lesti għal nies infettati b’dan il-virus turi kemm il-Gvern mhux preparat għal din is-sitwazzjoni. Dan mingħajr ma nnaqsu x-xogħol siewi tat-tobba u l-infermiera tagħna li jkollhom iħabbtu wiċċhom ma tant mard kuljum.

Huwa fir-responsabbiltà tal-Gvern li jidentifika sptar alternattiv għal kull min ikun infettat bil-virus. Imma kulħadd jaf x’sar minnhom l-isptarijiet Maltin u dak ta’ Għawdex!F’dan id-dawl, b’solidarjetà sħiħa mal-MUMN inħeġġu li t-tobba u l-infermiera jingħataw it-taħriġ meħtieġ sabiex ikunu kapaċi jilqgħu għal kull eventwalità. Mhux sew li l-Gvern jibqa’ jigdeb u jgħid li pajjiżna ppreparat meta dawk li l-iktar li jkunu qed jirriskjaw saħħithom huma l-ħaddiema fis-settur tas-saħħa.