Lokali

Kull ċittadin jista’ u għandu jagħmel użu mill-informazzjoni tal-gvern

– Karol Aquilina, PN

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal li l-UE trid liġi li kull ċittadin ikun jista’ jagħmel użu mill-informazzjoni li għandu l-gvern għaliex din hi informazzjoni li m’għandhiex tinżamm mill-gvern biss.

Fil-parlament d-deputat Nazzjonalista kompla li hemm eċċezzjonijiet minħabba li għandu jkun hemm protezzjoni fuq ċertu informazzjoni li m’għandhiex tkun aċċessibbli minn kulħadd. Fost dawn hemm ukoll l-informazzjoni personali tan-nies li wkoll fuqha hemm restrizzjonijiet ġenerali.

Karol Aquilina qal li l-liġi se jkollha għan ċar li t-tqassim tal-informazzjoni hu regolat anki jekk ġej minn liġijiet oħra. Hemm ukoll tifsira ġdida dwar min hu l-ministru responsabbli għal din il-liġi, spjega Karol Aquilina, li tkellem ukoll dwar it-Tribunal dwar id-Data, il-proċedura għall-appell u l-użu mill-ġdid tad-dokumenti li tinkludi kemm il-pubbliku kif ukoll informazzjoni skambjata fis-settur pubbliku stess.

Hu tkellem ukoll dwar l-Awtorità Regolatorja u qal li d-deċiżjonijiet amministrattivi m’għandhomx jispiċċaw quddiem il-bordijiet imwaqqfa mill-ministru fuq bażi part-time minħabba li ċertu deċiżjonijiet huma ta’ importanza kbira. Għalhekk it-Tribunal tar-Reviżjoni Amministrattiva kellu rwol importanti.Il-gvern għadu jieħu bis-serjetà l-informazzjoni li ktun aċċessibbli għall-pubbliku, sostna Karol Aquilina.

Id-deputat Nazzjonalista sellem lil Simon Busuttil fl-okkażjoni tat-tmiem tal-karriera politika tiegħu f’Malta. Hu qal li Simon Busuttil kien dedikat bħala deputat anki wara li ma baqax Kap tal-Oppożizzjoni u sostna li issa għandu l-opportunità tajba ħafna li jkompli x-xogħol tiegħu fil-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-PPE.

Karol Aquilina rringrazzja lil Simon Busuttil għax-xogħol li wettaq u qal li l-Gvern qed jinjora lil Simon Busuttil billi ma jurix rispett lejh. Hu appella biex il-gvern isellem lil Simon Busuttil għall-ħidma politika tiegħu.