Lokali

L-aktar li kien jurta lil Daphne kienu l-attakki ġejjin minn Kastilja bil-barka tal-eks Prim Ministru

L-aktar li kienu jdejjqu lil Daphne Caruana Galizia ma kienux il-kummenti tan-nies fuq il-blogs, imma fuq blogs li kienu joħorġu minn Kastilja, bil-barka tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Minn nies fl-uffiċċju tal-Prim Ministru jattakkawha. Hawn, Daphne bdiet tħoss li issa kien l-istat li qed idur kontriha, għax tikteb kontra min jabbuża.

L-attivista għall-ambjent Petra Caruana Dingli ħabiba kbira ta’ Daphne Caruana Galizia qalet dan meta kompliet l-inkjesta dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Hija qalet li kienet ilha taf lill-vittma għal 25 sena. Qalet li ftit tas-snin qabel ma ġiet assasinata r-reazzjoni tal-pubbliku fil-konfront tagħha saru aktar tensi u nervużi.

Qalet ukoll li kienu jiltaqgħu ħafna fil-pubbliku, bħal biex imorru jieħdu kafe jew għal xi ikla u qatt ma kien hemm problemi. Iżda lejn l-aħħar kien qed tinħass it-tensjoni. Ħafna bdew jagħrfuha.

Sostniet li kienu qegħdin jinġibdu r-ritratti fil-konfront tagħna u anke min kien ikun magħha. Caruana Dingli qalet li r-ritratti tagħhom kienu qegħdin jispiċċaw fil-media, u li hi spiċċat parti minn dan kollu minħabba li kienet ħabiba tagħha.

Caruana Dingli qalet li fl-2016 l-attakki ħadu bixra differenti u Caruana Galizia ħasset li l-avversarji tagħha ma kienux aktar dawk li kienet tikkritika, imma l-Gvern.

Ħasset li qed tiġi intimidata mill-poter. Il-blog ta’ Glenn Beddingfield kien wieħed minn dawn l-aspetti, anke jekk il-kritiċi ma kienux ġejjin minn individwu wieħed.

Ix-xhud qalet liI f’Mejju tal-2016 hi u Daphne kienu marru jieklu l-Belt. Hemm kien hemm żewġt irġiel li kienu qegħdin jieħdulhom ir-ritratti u jiffilmjahom. Dawn kienu spiċċaw fi blogs b’mod ripetut, kompliet tgħdi ix-xhud.

Wara telgħet tixhed Gloreya Beacom, li kienet ukoll ħabib kbira ta’ Caruana Galizia. Hi qalet li fis-7 ta’ Marzu tal-2013, hi u r-raġel tagħha kienu marru l-Imdina. Hemm iltaqgħu mal-koppja Peter u Daphne Caruana Galizia. Qalet li ddeċidew li jmorru sal-festa tar-Rabat, imbagħad marru jieklu f’ħanut.

Beacom qalet li huma u mexjin ma’ folla li kienet kbira, l-grupp infired u tilfu lil Caruana Galizia. Huma mxew lura lejn l-Imdina fejn sabu li kien hemm diversi persuni li mxew lejn il-ġenb u kien hemm mara fin-nofs, li bdiet titkellem ħażin.

Qalet li ħdejn il-bieb kien hemm żewġ qassisin, filwaqt li mara bdiet tgħajjat u twerżaq “oħroġuha minn hemm. Iġbduha minn xagħarha dik mara ħazina”. Il-Qassisin minn naħa tagħhom qalulha biex iċċempel lill-pulizija.

Wara l-inċident u dak il-paniku kollu huma spiċċaw l-għassa tal-pulizija fejn għamlu rapport u wara il-pulizija ppreċedew bil-Qorti. Beacom qalet ukoll li l-pulizija qatt ma nterċettaw lill-mara li kienet qed twerżaq.

Ix-xhud qalet li f’okkażjoni separata, Daphne Caruana Galizia kienet qaltilha li kienet marret f’beach club u malli ħarġet mill-baħar, kien hemm persuna li ħaditilha ritratt bil-mobile.

Kien hemm diversi oħrajn, fosthom dwar billboard li fuqu kien hemm wiċċ Caruana Galizia fejn sħabha kienu jiġu attakkati wkoll u kienu jispiċċaw imsemmija fi bloggs. Qalet li kollox kien isir bi pjan, dak biex lil Caruana Galizia jiżolawha u jġiegħlu lil sħabha jħossuhom skomdi magħha.

Beacom ftakret kif darba kienu ċemplu lil Caruana Galizia biex toħroġ magħhom u kienet qaltilhom li ma riditx iġġiegħlhom iħossuhom skomdi u jispiċċaw fil-mira ta’ ritratti mill-pubbliku.

Dwar il-ħajja personali tal-vittma, x-xhud qalet li hija kienet tħobb issiefer, titkellem dwar l-ikel u l-mużika. Kellha wkoll magażin dwar l-ikel. Punt ieħor pożittiv tagħha, fost ħafna kien li jekk kellek bżonn rigal, kienet il-persuna ideali li wieħed ikellem.

Wara beda jixhed l-Avukat Andrè Camilleri li qal li hu kien jaħdem l-MFSA bejn l-1994 u l-1996 u bejn l-2002 u l-2014 u wara rtira. Tenna li għall bidu hu kien Kap Eżekuttiv, aktar tard huwa laħaq Direttur Ġenerali tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji.

Huwa saħaq li kien responsabbli għall-konformità u l-ħasil tal-flus fir-rigward tal-FIAU u qal li f’dan iż-żmien huwa kien jifred il-kunsill u l-bord ta’ governanti. Dan kien jinkludi persuni magħżula mill-politiċi. Saħaq li bord ta’ governanti ma kienx jindaħal dwar min jingħata l-liċenzja.

Dwar meta ġew ippubblikati l-Panama Papers, qal li hu kien diġà rtira.
Spjega li l-FIAU kienet tinforma lill-MFSA f’każ li l-Awtorità jkollha tissospendi l-liċenzja ta’ waħda mill-entitajiet tagħha. Ix-xhud qal ukoll li l-Bank Pilatus kien liċenzjat fl-istess żmien li hu kien mal-Awtorità.

Tenna li sal-2002, il-Bank Ċentral kien inkarigat milli jilliċenzja l-entitajiet. Wara dan iż-żmien, l-MFSA ħadet dan l-irwol. Minkejja dan, l-MFSA kienet żammet kuntatt mal-Bank Ċentrali.

L-Avukat Camilleri spjega li wara l-2014, il-Bank Ċentrali Ewropew beda jieħu ħsieb il-proċess tal-liċenzjar. Xehed li l-liċenzja tal-Bank Pilatus ġiet irtirata mill-Bank Ċentrali Ewropew wara rakkomandazzjonijiet mill-MFSA.

Dwar Ali Sadr qal li minkejja li ma kienx bankier, kellu żewġ liċenzji mill-Iżvizzera, li mhix ġurisizzjoni li wieħed faċli jġib liċenzji fiha. Saħaq li ma kien hemm l-ebda raġuni għaliex Ali Sadr ma jingħatax liċenzja bankarja. Imma dak hu biss l-ewwel pass. Tenna li kuljum, il-bank irid ikun konformi ma’ regoli varji,” qal Dr Camilleri.

Huwa qal li kienu jafu li dan ma kienx se jkun bank bl-imnut. Kienu jafu wkoll li kienu se jkunu qed jimmaniġjaw il-flus ta’ wħud mill-akbar klijenti. Ikkonferma li dawn il-banek riedu sieq ġewwa ż-żona Ewro. Tenna li ma setax jiftakar jekk il-bank kienx kellhom dwar klijenti Ażeri. Qal li kieku kien hemm xi ħaġa ħażina dak iż-żmien, il-Bank Pilatus ma kienx se jingħata l-liċenzja.

Huwa kkonferma wkoll li Ali Sadr kien ġie introdott lill-awtorità minn waħda mill-akbar kumpaniji tal-awditjar, KPMG. Qal li mid-dokument tal-kumpanija wieħed jista’ jsib il-minuti relatati. Mistoqsi mill-Bord dwar Sai Mizzi u Brian Tonna, qal li huma ma kienux irreġistraw miegħu f’dak iż-żmien.

Kompla jgħid li ż-żjarat superviżorji kienu jsiru b’mod regolari u kienu jdumu sa ġimgħatejn. Mistoqsi mill-Imħallef Lofaro dwar l-allegata sistema tad-double accounting fil-Bank Pilatus, Camilleri qal lill-Bord:

“Kull min irid iqarraq se jsib mod kif jagħmel dan u dan mhux neċessarjament dejjem kien jinqabad mis-supervisor. Din issir responsabbiltà tal-awditur tal-bank. Jekk kienu jinstabu nuqqasijiet, kien hemm riskju li jitlef il-liċenzja tal-awditjar. Ma nafx jekk dan kienx il-KPMG.”

L-Imħallef Lofaro staqsiet lix-xhud jekk dawn iż-żjarat kienux isiru għall-għarrieda. L-Avukat Camilleri wieġeb fl-affermattiv u qal li jekk klijent kien jagħmel ilment jew jallega xi ħaġa serja, l-awtoritajiet kienu jagħmlu żjara mingħajr ma javżaw lill-entità.

Madankollu jekk ma jkun sar l-ebda rapport, l-entità kienet tiġi mgħarrfa biż-żjara qabel. Ix-xhud qal ukoll li kien hemm tlett kawżi miftuħa f’Malta mill-Bank Pilatus kontra l-awtorità, qal li kien hemm tliet każi oħrajn miftuħa lill-ECB quddiem is-CJEU.

Fil-bidu tas-seduta l-Avukat Jason Azzopardi nforma li l-Bord li Corinne Vella, oħt Daphne Caruana Galizia riedet tippreżenta xi dokumenti li kienet tkellmet dwarhom f’seduti preċedenti, u fil-fatt hija telgħet tispjega dak li kienet se tippreżenta.

Fost affarijiet oħra hija qalet li għamlet riċerka u tkellmet dwar ritratt imbagħbas li fuqu kien hemm wiċċ Daphne, li nstab fuq il-profil ta’ Facebook ta’ Neville Gafà.

Qalet li ma setgħetx issib posts maħruġa aktar kmieni u ndikat li Gafà kien l-ewwel wieħed li ħariġha. Dwar it-tabella “is-saħħara tal-Bidnija”, sostniet li din intużat f’artiklu ta’ Lino Cassar li deher fuq it-Torċa. Qalet li Cassar kienu uża dan it-terminu mil-lat pożittiv.

Sfortunatament qalet li l-kelma saħħara ġiet trasformata f’konotazzjoni negattiva li riedu jfissruha bħala persuna xiħa, kerha u li tuża’ l-maġija. Vella qalet ukoll li sabet obitwarju miktub mill-eks Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Tony Abela fejn it-terminu intuża b’mod negattiv.

Sadanittant il-Bord ta’ Inkjesta f’digriet li ta qal li filwaqt li ma joġġezzjonax għall-preżenza tal-Avukat tal-Istat waqt ix-xhieda pubblika, għandu dritt li jippermetti li xhud jixhed bil-bibien magħluqa.

Qal li dan qed isir biex tiġi ssalvagwardjata l-integrità tal-inkjesta. L-eks Imħallef Mallia qal li hija deċiżjoni tal-Bord jekk l-Avukat Ġenerali jitħalliex jibqa’ hemm jew le meta l-kawża wkoll tinstema’ bil-magħluq.

Il-Bord ta’ Inkjesta huwa kompost mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia, li huwa wkoll iċ-Chairperson tal-Bord, kif ukoll il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro. L-avukati Jason Azzopardi, Therese Comodini Cachia u Andrew Borg Cardona qed jidhru f’isem il-familja Caruana Galizia.