Lokali Qorti

L-Avukat Ġenerali ordnat iħallas kumpens ta’ €20,000 dwar ksur tad-drittijiet fundamentali fuq propjetà

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni tagħha bħala Qorti Kostituzzjonali ordnat lill-Avukat Ġenerali jħallas kumpens ta’ €20,000 lill-koppja Slimiża minħabba l-ksur ta’ drittijiet fundamentali tagħhom għat-tgawdija ta’ propjetà, li tinsab fuq is-‘seafront’ tal-istess lokalità

Il-każ jirrigwardja lil Joyce Cachia, propjetarja ta’ terran f’Tas-Sliema flimkien żewġha. Minn stima ta’ żewġ periti, wieħed imqabbad mill-koppja Cachia u ieħor mill-Qorti, rriżulta li l-valur ta-residenza jaqbeż l-€400,000 jekk jinbiegħ għal skop residenzjali u jaqbeż is-€700,000 jekk jinbiegħ għal skop kummerċjali, fosthom għal ftuħ ta’ ħwienet jew uffiċini.

Il-kawża saret fil-25 ta’ Ottubru tal-2016 kontra l-koppja Cynthia u Mario Mazzola li jabitaw fil-post u li jħallsu kerha ta’ ftit aktar minn €240 fis-sena. Saret ukoll kontra l-Avukat Ġenerali fuq ksur tad-drittijiet tal-bniedem fuq it-tgawdija tal-propjetà.

Il-koppja Cachia qalet li din hija kirja redikola u l-bogħod minn dak li s-suq tal-propjetà qed jiddetta bħalissa. Sadanittant il-koppja qalet ukoll li sar xogħol fir-residenza tagħhom, li huma lanqas biss kienu jafu bih.

Minkejja kollox fid-deċi#joni tagħha l-Qorti, preseduta mill-Imħallef Miriam Hayman qalet li mhijiex se tordna lill-koppja Mazzola biex tiżgombra mill-post. Dan minħabba li qalet li dan mhuwiex il-kompitu tagħha, iżda kompitu ta’ Qorti jew istituzzjoni oħra.

Madankollu l-Qorti ordnat li l-koppja Mazzola ma jibqgħux igawdu mill-protezzjoni offertà lilhom mill-applikazzjoni tal-Ordinanzja li tirregola t-tiġdid tal-kiri u tal-bini ta’ propjetà.

Sadanittant mill-kawża rriżulta li l-koppja Cachia kienet qabdet perit privat f’Settembru tal-2016 fejn il-valur tat-terran tagħhom kien ġie stmat €400,000 u jekk jinkera, jlaħħaq l-€1,500 fix-xahar.

Il-Qorti kienet ukoll appuntat perit espert tagħha u dan kien f’Marzu tal-2018. Hija kienet qalet li l-post jiswa’ €470,000 għal skop residenzjali u €750,000, jekk jinbiegħ għal skop kummerċjali.

It-terran jinsab fi Triq it-Torri, tas-Sliema u kien hemm żmien fejn il-kera kienet ta’ Lm32 fis-sena, (madwar €72). Dwar ix-xogħol li sar Cachia u żewġha kienu qalu li t-tibdil fl-istruttura wassal sabiex jitneħħa ħajt u dan wassal għall-konsenturi. Ix-xogholijiet kienu saru fis-sena 2004.

Mazzola qal li kull ma għamel kien li qabel kien li neħħa l-bieb li kien jifred iż-żewġt kmamar u għamel ħnejja. Fis-sena 2004 nehha l-hnejja u fetah il-hajt kollu u ghamel travu.

Fix-xhieda tagħha sid il-post qalet li hi ma tistax tgħaddi din ir-residenza lil uliedha jew lin-neputijiet tagħha. Dan ukoll qed jirfes fuq id-drittijiet tagħha, meta r-residenza hija propjetà tagħha.

Cynthia Mazzola, li llum għandha 65 sena qalet li ilha għomorha tgħix fit-terran u qabilha kien hemm ommha, nannitha u l-familja tagħhom jgħixu hemm u li qabel ma saret din il-kawża qatt ma kien hemm problemi dwar il-ħlas ta’ kera.

Qalet ukoll li meta saret il-kawża hi u żewġha xtraw appartament għax beżgħu li se jispiċċaw bla saqaf fuq rashom. Fil-Qorti ħareġ ukoll żewġha Mario Mazzola huwa Direttur ta’ kumpanija u għandu paga gross ta’ €7,120 fix-xahar u jaqbad ‘f’idu €5,200.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li anke jekk il-kumpens mhux neċċessarjament daqs kemm irendi s-suq ħieles, hemm diskrepanza sostanzjali bejn il-kera li l-koppja Cachia kienu ntitolati għaliha għal snin sħaħ mingħand il-koppja Mazzola.