Lokali

L-ebda talba ta’ investigazzjoni dwar il-cabs f’Għawdex fil-jiem tal-Karnival

S’issa għadha ma saret l-ebda talba għal investigazzjoni wara li kien żvelat li fil-jiem tal-Karnival, f’Għawdex, operaw diversi cabs li ma kinux liċenzjati.

Net News fl-aħħar jiem kien avviċinat minn diversi operaturi tat-trasport ibbażati f’Għawdex li qalu li telgħu diversi vetturi ta’ servizzi ta’ cabs biex joffru servizz ta’ trasport ghall-karnival.

Is-sewwieqa tat-taxis Ghawdxin qalu li raw għexieren ta’ vetturi ta’ dawn l-operauri f’diversi lokalitajiet f’Għawdex. Madankollu, il-Ministru Ian Borg qal li ma kellu l-ebda talba biex jinvestiga.

L-aħbar li operaturi telgħu minn Malta biex joffru servizz f’Għawdex kienet konfermata wkoll mill-Gozo Tourism Association illi qalet li din mhux l-ewwel darba li operaturi ibbażati f’Malta jaqsmu lejn Għawdex fil-ġranet fejn ikun hemm influss ta’ Maltin lejn il-gżira tat-Tliet Għoljiet.

Madankollu l-Ministru Ian Borg qal li dwar din il-kwistjoni kien hemm ftehim, u mhux regolarment, li fi kliemu skada fl-2013.

Fl-aħħar jiem il-Gozo Tourism Association appellat ukoll lill-awtoritajiet sabiex jiżguraw li kulħadd josserva r-regolamenti, ikun hemm level playing field u li l-operaturi Għawdxin li qed jaħdmu skont il-liġi ikunu salvagwardjati.