Internazzjonali

L-Indja: Jiem ta’ irvellijiet u mwiet f’Delhi

Il-belt ta’ Delhi inħakmet mill-biża’ wara tielet lejl konsekuttiv ta’ irvellijiet u meta gruppi ta’ nies vjolenti qegħdin iwettqu l-attakki konsistenti fuq id-djar u l-ħwienet tal-Musulmani. S’issa hemm ikkonfermati 23 mejtin fl-aktar vjolenza qattiela fil-kapitali tal-Indja għal għexieren ta’ snin.

L-inkwiet żbroffa fi tmiem il-ġimgħa bejn dimostranti favur u kontra liġi kontroversjali dwar iċ-ċittadinanza, iżda issa n-nies qegħdin jispiċċaw attakkati anki fuq kwistjoni ta’ ġens u reliġjon.

Ir-rapporti minn Delhi rreferew anki għal sitwazzjonijiet fejn ġurnalisti qed jissawwtu taħt idejn il-folol fit-toroq li qed ofittxu l-iċken skuża għall-vjolenza. Spikkaw ukoll il-konfronti regolari u ‘bla heda’ bejn il-gruppi tal-Hindu u l-Musulmani.

Il-Prim Ministru Indjan, Narendra Modi appella għall-paċi u qal li qiegħed jirrevedi s-sitwazzjoni allarmanti — bil-pulizija qed jaħdmu biex jirristawraw sitwazzjoni ta’ normalità f’Delhi.

Intant, il-Kap tal-Oppożizzjoni, Sonia Gandhi, sejħet għar-riżenja tal-Ministru tal-intern, Amit Shah, waqt li qed takkużah ‘b’responsabbiltà’ għall-vjolenza.