L-Oppożizzjoni Nazzjonalista llum ressqet abbozz ta’ liġi biex issaħħaħ il-protezzjoni tal-ġurnalisti mit-theddida ta’ SLAPP u azzjonijiet oħra relatati fil-konfront tal-midja ħielsa.
Dan l-abbozz ta’ liġi msejjaħ Att biex jipprovdi għall-protezzjoni kontra kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (SLAPP) tressaq illum mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, il-Viċi Kap tal-PN għall-Affarijiet Parlamentari David Agius, il-Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar il-Midja, l-Kultura u l-Identità Nazzjonali Therese Comodini Cachia, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Ambjent, il-Affarijiet Marittimi u l-Green Initiatives Jason Azzopardi u l-Whip tal-Grupp Parlamentari Robert Cutajar. Il-każijiet lampanti ta’ korruzzjoni tal-Gvern Laburista naqqru s-saltna tad-dritt f’pajjiżna.
Il-ġurnaliżmu, l-midja indipendenti u l-espressjoni ħielsa huma pilastru ewlieni f’demokrazija li tiffunzjona, u kienu determinanti sabiex ġew esposti l-każijiet ta’ korruzzjoni, iżda fl-istess ħin din il-funzjoni tagħhom tinsab taħt theddida bl-użu ta’ SLAPPs. Wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, uffiċjali u entitajiet b’mod speċjali dawk barranin għadhom qegħdin jheddu lill-attivisti u ġurnalisti bi SLAPPs.
Il-Partit Nazzjonalista jrid li din tintemm minnufih, u tintuza l-litigazzjoni bħala għodda sabiex niġġieldu l-attakki fuq id-dritt tan-nies li jkunu jafu u li jitkellmu fuq il-ħażin. Il-ġurnalisti Maltin għandhom bżonn l-ogħla protezzjoni u l-leġislaturi għandhom id-dmir li jaraw li jkollna l-aħjar liġijiet f’dan ir-rigward.
Dan meta l-Gvern Laburista m’għamel xejn biex jilleġisla favur il-protezzjoni tal-ġurnalisti, għajr li fl-2018 ivvota kontra l-Abbozz tal-Oppożizzjoni biex jintroduċi salvagwardji b’saħħithom kontra t-theddida ta’ SLAPP. Huwa fid-dawl ta’ dan kollu li l-Oppożizzjoni llum ressqet dan l-abbozz ta’ liġi biex tipprovdi protezzjoni sħiħa lill-ġurnalisti Maltin mit-theddida u azzjonijiet oħrajn ta’ SLAPP.
//= $special ?>

