Il-Gvern Eġizzjan iddikjara perjodu ta’ luttu nazzjonali wara l-mewt, nhar it-Tlieta, tal-eks President tal-Eġittu, Hosni Mubarak. Dan meta fil-Kajr, fl-aħħar sigħat, sar il-funeral militari għal Mubarak, li miet l-isptar, fl-età ta’ 91 sena, wara li kien għadda minn kirurġija.
Is-sostenituri ta’ Mubarak fil-Kajr inġabru barra moskea dedikata lil Field Marshal Tantawi, u fejn saret iċ-ċerimonja funebri. Il-katavru tal-eks President, wara, twassal lejn is-sit tal-qabar tal-familja tiegħu għad-difna.
Hosni Mubarak, li mexxa l-Eġittu għal 30 sena, kien tkeċċa mill-poter fir-rewwixta tal-2011, u meta kienet għaddejja r-Rebbiegħa Għarbija fir-reġjun tal-Lvant Nofsani. Hu, kien qatta s-sitt snin ta’ wara fil-ħabs inkella rikoverat fi sptarijiet militari. F’dan iż-żmien, Mubarak anki kien qed ikun suġġett għall-proċessi tal-qorti biex iwieġeb għal varjetà ta’ akkużi.
Fl-2012, Mubarak ingħata sentenza ta’ ħabs għal għomru dwar kompliċità fil-qtil ta’ dimostranti waqt il-protesti kontra t-tmexxija tiegħu — iżda hu, maż-żmien, spiċċa liberat wara li appella mis-sentenza. Intant, Mubarak kien ingħata wkoll sentenza ta’ tliet snin ħabs dwar frodi konnessa mal-fondi pubbliċi.
//= $special ?>