Futbol Sport

Manchester City jappellaw is-sospensjoni ta’ sentejn mal-CAS

Manchester daħħlu uffiċjalment l-appell tagħhom fil-Qorti tal-Arbitraġġ tal-Isport kontra s-sospensjoni ta’ sentejn mill-kompetizzjonijiet Ewropej. Iċ-champions Ingliżi ngħataw din is-sospensjoni flimkien ma’ multa ta’ €30 miljun kważi ġimagħtejn ilu.

Ir-raġuni prinċipali kienet li l-klabb kiser ir-regoli tal-Financial Fair Play u l-liċenzjar tal-klabbs. Huma nstabu ħatja mill-Kamra dwar il-kontrolli finanzjarji tal-klabbs tal-UEFA. Fi stqarrija, il-UEFA qalet li Manchester City kabbru d-dħul mill-isponsors fil-kont tagħhom bejn l-2012 u l-2016. Il-klabb instab ħati wkoll li naqas jikkopera mal-investigazzjoni li saret.

Fl-ewwel reazzjoni tagħhom, Manchester City qalu li kienu diżappuntati iżda mhux sorpriżi, filwaqt li sejħu l-proċess bħala preġudikat. Sa issa għad m’hemmx data meta mistennija toħroġ id-deċiżjoni finali.