Lokali

M’humiex qed jaqblu dwar il-liġi tal-kera

L-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin, l-Awtorità tad-Djar u l-Ministru Roderick Galdes mhux jaqblu dwar l-andament tal-liġi ġdida tal-kera.

Fi stqarrija fl-aħħar jiem, l-MDA esprimiet tħassib dwar il-liġi l-ġdida, tant li qalet li diversi sidien tal-art qed iżommu lura milli jikru l-proprjetajiet tagħhom taħt ir-reġim il-ġdid; deskritt minnha bħala wieħed restrittiv.

Ikkritikat ukoll l-implimentazzjoni tal-liġi li fi kliemha qiegħda tħalli effett negattiv fuq is-segment tal-propjetà mixtrija għall-kera, li kiber b’mod sinifikanti matul l-aħħar snin, u li issa qed tirrapporta tnaqqis qawwi.

Dan apparti l-burokrazija u nuqqas ta’ libertà fil-kuntratti li skont l-MDA qed iwasslu biex din il-liġi l-ġdida ma taħdimx.

Iżda f’kummenti lil Net News, il-Ministru Roderick Galdes mera dan kollu.

Il-Ministru għadda dawn il-kummenti fi tmiem konferenza tal-aħbarijet li matulha l-Awtorità tad-Djar ħabbret li f’xahrejn ġew irreġistrati 3,600 proprjetà.

Dan filwaqt li l-Ministru Roderick Galdes ftaħar li kemm ilha li bdiet l-iskema, l-ammont ta’ nies li bbenefikaw mis-suppliment tal-kera żdied, hekk kif it-talbiet irduppjaw minn kważi 800 għal 1,500.

B’kuntrast għal dak li ddikjarat l-MDA, kemm il-Ministru kif ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità, Leonid McKay ittimbraw l-iskema bħala suċċess kbir għax qalu li din sabet bilanċ bejn is-sidien u min jikri.