Lokali

Ram Tumuluri ħa bonus ta’ €5 miljun waqt li l-isptarijiet tħallew f’telqa

Waqt li l-kumpanija Vitals kienet qed tirreġistra djun kbar mill-operat tal-isptarijiet Maltin, il-kap tagħha Ram Tumuluri ta lilu nnifsu bonus ta’ €5 miljun.

Jirriżulta li l-pagament ta’ din iċ-ċifra inkredibbli għadda għand Tumuluri fit-tielet sena wara li l-gvern Malti biegh l-isptarijiet… hekk kif din il-klawsola kienet inkluża bħala parti mill-kuntratt iffirmat mill-Gvern Laburista mal-Vitals.

Fl-istess sena, il-Vitals ħadu €75 miljun biex imexxu t-tliet sptarijiet Maltin fl-istess waqt li rreġistraw spejjeż ta’ €94 miljun u telf ta’ €18-il miljun.

Dan kollu kien żvelat lill-gazzetta MaltaToday minn sorsi li raw dan id-deal.

Ftit żmien biss wara li Tumuluri ħa dawn il-famuzi 5 miljuni, Vitals biegħet il-konċessjoni tal-isptarijiet, din id-darba lil Steward Healthcare.

Dawn tal-aħħar issa qed jiddikjaraw li qed isibuha diffiċli jsibu tarf tat-taħwid finanzjarju li bih kienu qed jitmexxew l-isptarijiet taħt Vitals. Dan hekk kif il-kumpanija Vitals, li dwarha nafu ftit li xejn, kienet topera bi strutturi offshore ikkumplikati, inkluż permezz tal-kumpanija Blue Stone Investment irreġistrata fil-British Virgin Islands; pajjiż li hu meqjus bħala tax haven.

U filwaqt li s-sidien Pakistani ta’ Vitals kienu qed jiddikjaraw djun kbar u telf fl-operat tal-isptarijiet Maltin, fl-istess ħin kienu qed jippruvaw jiksbu konċessjoni simili fin-Norveġja għall-operat ta’ proġett ta’ enerġija rinnovabbli. Jirriżulta li biex jagħmlu dan huma kienu qed jużaw flus pubbliċi Maltin mogħtija lilhom biex imexxu l-isptarijiet. Dan apparti li ddikjaraw li l-konċessjoni tal-isptarijiet Maltin, kelha valur ta’ €2.8 biljun.

Fl-isfond ta’ dan it-taħwid kollu, l-isptarijiet Maltin baqgħu bla investiment li suppost kellu jsirilhom, bl-iktar każ spettakolari jkun l-Isptar San Luqa li qed jaqa’ biċċiet.

Hu għalhekk l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia għaddej b’kawża fil-Qorti fejn qed jitlob li l-kuntratt jiġi xolt u l-isptarijiet jirritornaw għand il-poplu Malti u Għawdxi.