Żewġ gowls fi spazju ta’ ħames minuti fl-aħħar mumenti tal-logħba ta vantaġġ prezzjuż lil Manchester City. Huma rebħu 2-1 kontra Real Madrid f’Estadio Santiago Bernabeu u minbarra r-riżultat, Real Madrid se jkunu mingħajr il-captain Sergio Ramos li tkeċċa fl-aħħar minuti. Fl-ewwel taqsima, aħbarijiet ħżiena għal Manchester City li tilfu lid-difensur Aymeric Laporte li kellu joħroġ minħabba li weġġa’, wara ftit ilu li rritorna minn injury fit-tul.
Kienu Real Madrid li fetħu l-iskor mas-siegħa logħob. Minn żball fid-difiża bejn Rodri u Nicolas Otamendi, Vinicius Junior seraq il-ballun mingħand Kyle Walker u qassam għan-nofs lejn ISCO li kkontrolla u b’xutt għar-rokna għeleb lil Ederson.
Manchester City ġabu d-draw fit-78 minuta bi kross mix-xellug ta’ Kevin de Bruyne jsib lil GABRIEL JESUS li għeleb lil Thibaut Courtois b’daqqa ta’ ras minn pożizzjoni tajba. Il-gowl kien konfermat wara li Real Madrid bdew jipprotestaw għal imbuttatura ta’ Jesus fuq Sergio Ramos.
Ħames minuti wara, it-tim Ingliż ingħata penalty għal fawl ċar ta’ Dani Carvajal fuq Raheem Sterling. Inkariga ruħu KEVIN DE BRUYNE li bagħat il-ballun in-naħa l-oħra ta’ Courtois. L-affarijiet komplew ġejjin ħżiena għal Real Madrid hekk kif fis-86 minuta tkeċċa Sergio Ramos għal fawl fuq Gabriel Jesus qabel l-attakkant kien dieħel fil-kaxxa. It-tieni logħba tintlagħab fl-Etihad Stadium fis-17 ta’ Marzu.
//= $special ?>