Internazzjonali Lokali

Stati Uniti: L-aħħar dibattitu għall-kandidati Demokratiċi qabel il-vot f’South Carolina

Is-seba’ kandidati li qed jikkuntestaw għad-dritt li jirrappreżentaw lill-Partit Demokratiku fl-elezzjoni ta’ Novembru għall-Presidenza tal-Istati Uniti ssieħbu f’dibattitu ieħor – din id-darba f’Charleston, fl-Istat ta’ South Carolina u fejn mill-ġdid ma naqsux il-battibekki mqanqla u l-arja ta’ tensjoni bejn l-isfidanti.

Id-dibattitu kien l-aħħar wieħed qabel id-Demokratiċi fl-Istat ta’ South Carolina jivvutaw għall-kandidati preferuti nhar is-Sibt, Intant, din id-darba kien imiss lis-Senatur minn Vermont, Bernie Sanders, li jispiċċa mira ewlenija tal-attakki min-naħa tar-rivali tiegħu u wara li hu kien ħareġ l-aħjar fost il-kandidati fid-dibattiti li saru s’issa bejn id-Demokratiċi. Għalissa, Sanders qed jitqies bħala front runner għan-nomina tal-partit.

L-eks Senatur ta’ New York, Michael Bloomberg, irrefera għal allegazzjonijiet li r-Russja qed tipprova tistimola l-kampanja ta’ Sanders biex jikkuntesta kontra Trump għall-White House. Bloomberg sostna li ‘(il-President Russu) Vladimir Putin jemmen li Donald Trump għandu jibqa’ President tal-Istati Uniti u għaldaqstant qiegħed anki jgħin lil Sanders biex jirbaħ in-nomina tad-Demokratiċi biex ikun ċert mill-istatus quo’.

Il-kandidata Elizabeth Warren ukoll daħlet f’battibekk ma’ Sanders dwar il-kura tas-saħħa, bis-Senatur minn Vermont – li sab ruħu taħt pressjoni kontinwa mill-avversarji – jispiċċa jammetti għal żball meta hu, fl-2005, kien ivvota biex jipproteġi lill-manifatturi tal-armi minn ‘responsabbiltà legali’ relatata mal-imwiet mill-prodotti tagħhom.

Sadanittant, l-eks Viċi-President Amerikan, Joe Biden, jeħtieġ rebħa fil-vot ta’ South Carolina biex jibqa’ jittama li jikseb in-nomina tad-Demokratiċi. Dan waqt li l-kandidat, Tom Steyer – biljunarju magħruf – jidher li qed inaqqar mill-appoġġ tradizzjonali għal Biden f’dan l-Istat.

Fl-istess ħin, l-attivisti wara l-kampanja ta’ Bloomberg ingħataw raġun wara li qalu li hu kien se jmur ferm aħjar fid-dibattitu f’Charleston wara li kien iddiżappunta bil-kbir fid-dibattitu tal-ġimgħa l-oħra f’Nevada.

Bloomberg ftaħar dwar ir-rekord ekonomiku u tal-politika soċjali tiegħu fil-belt ta’ New York filwaqt li enfasizza l-appoġġ tiegħu ‘għall-kontroll tal-armi tan-nar’. Madankollu, l-aktar punt ta’ sostenn għal Bloomberg f’din it-tellieqa qed jidhru li huma r-riżorsi (finanzjarji) bla limitu li għandu, aktar milli l-istil tad-diskorsi biex jikkonvinċi lill-partitarji Demokratiċi.

Min-naħa tagħha, Elizabeth Warren qalet li ‘ma jimpurtahiex kemm għandu flus Bloomberg’, li skont hi ‘m’għandux il-fiduċja mill-maġġoranza tal-membri tal-Partit Demokratiku.

Intant, id-dibattitu f’Charleston mill-bidunett adotta ton aggressiv, fost klima ta’ kaos, u fejn l-avversarji  ma tilfux okkażjoni waħda biex juru lil xulxin f’lenti ħażina. Spikkat ukoll l-istrateġija tal-kandidati rispettivi biex  ‘ma jiċċappsux’ b’xi element ta’ ħtija waqt id-diskors dwar nuqqasijiet fis-setturi kruċjali għall-poplu u l-futur tal-Istati Uniti.