Lokali

Steward qed jitolbu laqgħa mal-Prim Ministru dwar miljuni li jridu jieħdu

Steward Healthcare, il-kumpanija privata li xtrat tliet sptarijiet ta’ Malta għal €1, talbet laqgħa urġenti mal-Gvern dwar il-falliment tiegħu li jħallas €18-il miljun.

F’żewġ ittri mibgħuta lill-Prim Ministru Robert Abela, u żvelati minn Lovin Malta, Steward ilmentaw minn nuqqas ta’ “ impenn sinifikanti jew kostruttiv ” mill-gvern u enfasizzaw diversi ammonti sostanzjali li għadhom mhux imħallsa skont il-ftehim ta’ konċessjoni.

L-ittri ddettaljaw l-ispejjeż li kellhom Steward meta ħadu il-maniġment tal-isptarijiet minn Vitals Global Healthcare. Huma enfasizzaw ukoll li filwaqt li Steward kienu impenjati li jsolvu l-kwistjonijiet li ħallew il-predeċessuri tagħhom Vitals, inklużi ħafna talbiet legali, dan ma setax isir mingħajr l-appoġġ tal-gvern.

L-ittri komplew jgħidu li “huwa importanti wkoll li l-Gvern jirrikonoxxi li dawn it-talbiet u kwistjonijiet kollha joriġinaw minn qabel l-involviment tagħna fil-Konċessjoni iżda f’perjodu fejn il-Gvern kien, jew messu kien, involut mill-qrib u jissorvelja l-Konċessjoni, inkluż l-arranġamenti fejn jidħlu l-finanzi.”

“Ma nistgħux inkunu mistennija li nkomplu nġarrbu l-livelli ta’ spejjeż li bħalissa qed nġarrbu f’ċirkostanzi fejn il-Gvern mhux qed iħallas lura lil Steward” waħda mill-ittri tgħid.

Il-kumpanija qalet li kienet viċin li tiffirma Memorandum of Understanding mal-gvern f’Novembru li għadda biex issolvi l-kwistjonijiet, iżda din ġiet differita minħabba “l-kwistjonijiet politiċi f’Malta”.

Steward enfasizzaw li biex jiġġieldu l-każijiet legali kontrihom, il-Gvern kellu jappoġġjahom b’dokumentazzjoni u informazzjoni oħra qabel l-involviment ta’ Steward. Steward taw id-data tal-4 ta’ Marzu bħala data ta’ skadenza sabiex it-talbiet tagħhom jintlaħqu

Sadanittant, dalgħodu MaltaToday żvelat li l-Kap Eżekuttiv ta’ Vitals Global Healthcare Ram Tumuluri ħallas lilu nnifsu bonus ta’ € 5 miljun ‘il fuq mis-salarju ta’ € 1 miljun tiegħu fl-2017, is-sena li l-kumpanija sfaxxat.

Ilbieraħ, il-Prim Ministru Robert Abela qal lil Net News li se jittieħdu d-deċiżjonijiet iżda naqas milli jgħid min se jieħu r-responsabbiltà għan-nuqqasijiet tal-ftehim kontroversjali fl-isptar.

Intant, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia appella biex il-ftehim jiġi imwaqqaf u biex l-isptarijiet jiġu rritornati liċ-ċittadini Maltin.