Lokali

AĠĠORNATA: Titħabbar il-mewt ta’ Mario Mallia

L-eks Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta, Mario Mallia, tilef ħajtu inqas minn xahrejn biss wara li ħareġ bil-pensjoni f’Diċembru li għadda.

Jidher li hu kien qed għaddej minn intervent kirurġiku meta nqalgħu kumplikazzjonijiet f’ħajtu u sfortunatament kien ċertifikat li tilef ħajtu.

Mallia, li kellu 59 sena, ħadem mal-Bank of Valletta sa mill-1979. Hu kien introdott fil-Bord tat-tmexxija tal-bank fl-2005 waqt li fl-aħħar tliet snin tal-karriera tiegħu okkupa l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv.

Intant, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Bankiera tesprimi x-xokk tagħha għall-aħbar ta’ dieqa tal-mewt ta’ Mario Mallia, kollega ferm rispettat u eks President tal-Assoċjazzjoni.

Mallia kien deskritt bħala persuna ewlenija fl-iżvilupp tal-Assoċjazzjoni f’diversi snin, kemm permezz tal-kontribut tiegħu bħala membru u aktar tard bħala Chairperson għal żewġ mandati.

“L-Assoċjazzjoni hija kburija li ħadmet mill-qrib ma’ Mario u tesprimi l-akbar kondoljanzi lil Rosette, martu u uliedu, Daniela u Bernard.”

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija ffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Finanzi Mario de Marco, u Kristy Debono Kelliema għall-Oppożizzjoni għall-Ekonomija u s-Servizzi Finanzjarji, qal li l-kontribut ta’ Mario Mallia fis-settur bankarju kien imprezzabbli u wassal il-kondoljanzi lill-familja ta’ Mallia.