Ambjent Lokali

15-il NGO kontra l-proġett fil-Magħtab

Il-Fondazzjoni Malta Youth in Agriculture, l-Għaqda Bdiewa Attivi u 13-il NGO oħra kkundannaw l-esproprjazzjoni proposta tal-art agrikola u naturali fil-Magħtab sabiex tiġi faċilitata l-kostruzzjoni ta’ faċilitajiet għall-ġestjoni tal-iskart. Mitejn tumola ta’ raba’ tajjba għall-ħart qed jiġu sagrifikati bl-iskuża li l-“modernizzazzjoni tal-infrastruttura” hija neċessarja u x-xogħol irid isir.

L-istqarrija maħruġa mill-Moviment Graffiti qalet li d-degradazzjoni gradwali tal-kampanja tagħna għandha l-għeruq tagħha fil-politika ta’ approprjazzjoni tal-art agrikola mingħajr rikonoxximent serju ta’ kemm huma limitati l-ispazji miftuħin u ħodor li għad fadal f’Malta – u li jservu wkoll l-għan vitali li jġibulna l-ikel fuq l-imwejjed tagħna.

l-istqarrija kompliet tgħid li l-kampanja naturali f’Malta hija invażata bi proġetti bħal dawn li ta’ kuljum dejjem qed jiżdiedu. Il-konsegwenzi tat-telfien tal-art naturali u agrikola huma gravi ħafna – minbarra l-impatt dirett fuq is-saħħa u l-istil ta’ ħajja tagħna (speċjalment f’termini ta’ mard respiratorju minħabba t-tniġġis), hemm ukoll it-tħassib dwar nuqqasijiet potenzjali u dipendenza totali fuq l-importazzjoni tal-ikel, li tinvolvi spiża kbira.

Minflok ma titrawwem kultura li tħaddan l-idea li l-art titħaddem, insibu minflok kultura ta’ sfruttament u nuqqas ta’ responsabilità. Entitajiet statali bħal Wasteserv jidher li ma jaraw xejn ħażin bl-approprjazzjoni tal-art u t-tfassil ta’ pjani mingħajr lanqas ħjiel ta’ konsultazzjoni. U meta tinbeda konsultazzjoni, ta’ sikwit ikun il-każ li r-rakkomandazzjonijiet mill-watchdogs jiġu rifjutati jew anke injorati għal kollox. Ta’ min wieħed jinnota l-ironija li Wasteserv taqa’ taħt il-Ministeru tal-Ambjent.

Għandu jingħad ukoll li madwar il-landfill tal-Magħtab hemm sit dokumentat magħruf ta’ sinifikat arkeoloġiku li jinkludi d-dolmens Ta’ Hammut u fdalijiet megalitiċi. Barriera kbira antika kienet osservata fix-xifer tal-landfill xi snin ilu. Dan ifisser li s-sit kien f’użu kontinwu ġħal millenji u għalhekk, għandu jiġi kkonservat mhux mhedded.

Barra minn hekk, dan il-proġett fil-Magħtab se jolqot ħażin il-kwalità tal-ħajja tal-irħula kollha fil-viċin. Dawk li se jiġu żgumbrati se jsofru direttament it-telfien tal-għajxien tagħhom; fl-istess waqt qed jiġi stabbilit preċedent ieħor li jippermetti aktar proġetti jibilgħu l-art. Ta’ min wieħed jinnota li proġetti ta’ din ix-xorta għandhom it-tendenza li jinjoraw kwalunkwe tħassib għall-komunità, l-estetika jew il-konġestjoni, u jiġu ppreżentati bħala fait accompli.

Aħna nemmnu li barra li għandhom jiġu aġġornati l-istrateġiji tal-iskart u l-kultura, proġetti bħal dawn għandhom jiġu pjanati biex inaqqsu, u mhux jinkoraġġixxu, it-teħid ta’ aktar art agrikola u riżorsi simili. Meta nikkunsidraw il-firxa tal-qerda tal-art agrikola kkaġunati mill-proġett tas-Central Link, il-Gvern għandu jfittex mezzi kif jippreserva l-art agrikola u l-ħdura limitati f’pajjiżna, kompliet tgħid l-istqarrija.

Snin ta’ deterjorazzjoni infrastrutturali u nuqqas ta’ investiment serju li jmur lil hinn minn proġetti ewlenin u wegħdiet elettorali ma jissewwewx kif ġieb u laħaq. Problemi fit-tul jirrikjedu soluzzjonijiet sostenibbli, u l-qerda ta’ wieħed mill-aktar oqsma importanti fis-soċjetà tagħna żgur mhu se jkun ta’ benefiċċju għal ħadd ħlief is-sidien sinjuri tal-propjetà li jixtiequ jimlew buthom.

Fl-aħħar ħinijiet id-Deputat Nazzjonalista u Whip tal-Oppożizzjoni, Robert Cutajar nieda petizzjoni dwar l-espansjoni tal-miżbla tal-Magħtab.

Il-Ħmistax-il NGO huma: Bicycle Advocacy Group, Birdlife Malta, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Friends of the Earth (Malta), Futur Ambjent Wieħed, Għaqda Bdiewa Attivi, Għaqda Siġar Maltin, Green House, Isles of the Left, Malta Youth in Agriculture Foundation, Moviment Graffitti, Nature Trust, The Archaeological Society Malta, The Ramblers’ Association, Żminijietna – Voice of the Left.

Ritratt: Matthew Tabone