Edukazzjoni Lokali

AĠĠORNATA: Nuqqas ta’ ilma fl-MCAST u fl-Iskejjel Primarji ta’ Raħal Ġdid

B’reazzjoni għad-direttivi li ħarġu mill-Malta Union of Teachers (MUT) , l-MCAST ħarġu stqarrija li tgħid li n-nuqqas ta’ ilma fl-MCAST kien dovut għal xogħol difettuż waqt xogħlijiet fit-toroq li saru qrib il-Kulleġġ. L-MCAST ma kienx konxju tas-sitwazzjoni li wasslet biex il-ġibjuni ma jimtlewx.

L-istqarrija kompliet tgħid li ġaladarba l-kwistjoni waslet għall-attenzjoni tal-MCAST, ittieħdet azzjoni immedjata mill-Kulleġġ u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ġiet infurmata sabiex tiġi indirizzata l-problema. Barra minn hekk, il-bowsers tal-ilma ġew miġjuba fl-MCAST biex jerġgħu jimlew il-kulleġġ bl-ilma.

Ix-xogħlijiet u t-tiswijiet bdew fil-11.00am u fit-12.45pm it-tiswijiet kienu lesti u l-provvista tal-ilma reġgħet ġiet għan-normal.

L-MCAST kompliet tgħid li hija ħasra li minkejja li n-nuqqas ta’ ilma kien lil hinn mill-kontroll tal-MCAST, l-MUT ħarġet direttiva biex twaqqaf il-lezzjonijiet milli jseħħu u għalhekk tiċħad lill-istudenti mid-dritt akkademiku normali tagħhom.

L-MCAST qed iħeġġeġ lill-MUT biex tneħħi d-direttiva u terġa ‘tibda l-lezzjonijiet.

Sadanittant, l-MUT ordnat direttivi wkoll fost l-għalliema fl-Iskejjel Primarji A u B ta’ Raħal Ġdid għan-nuqqas fil-provvista tal-ilma. L-Union qed tappellalhom biex ma jidħlux għax-xogħol minn għada wara li kien innutat li x-xogħol li sar fuq din il-problema rriżulta fin-negattiv.

L-MUT qalet li qed tadotta politika ta’ tolleranza zero f’sitwazzjonijiet bħal dawn, bid-direttivi jkunu rtirati biss ladarba tirritorna l-provvista tal-ilma. Għaldaqstant, ħarġet id-direttiva lill-għalliema biex, minflok, dawn jirrappurtaw fit-8.20am fil-binja ALP.