Sorsi qrib Net News infurmawna li fl-ibħra qrib tagħna hemm għadd ta’ dgħajjes b’immigranti fuqhom.
Jidher li l-awtoritajiet huma mgħarrfa fost l-oħrajn dwar dinghy b’abbord 50 persuna, madankollu mhux magħruf jekk humiex qed iwieġbu għall-għajnuna.
Meta pruvajna nitolbu informazzjoni dwar dawn id-dgħajjes mingħand il-kelliema għall-Forzi Armati ta’ Malta, qalulna biss li “m’għandhomx informazzjoni”.
Sa mill-bidu tas-sena ‘l hawn kien irrappurtat li daħlu kwazi 750 immigrant f’pajjiżna iżda sorsi ta’ dan l-istazzjon kienu stqarrew magħna li dan l-ammont jinkludi biss l- immigranti li salvaw jew indunaw bihom l-għaqdiet mhux governattivi li joperaw bastimenti ta’ tiftix u salvataġġ fil-Mediterran.
Apparti dawn, jidher li hemm mijiet oħra li ddaħħlu f’Malta wara li ndunaw bihom il-Forzi Armati ta’ Malta, bis-suldati Maltin li wettqu s-salvataġġ u ġabuhom lejn pajjiżna.
Madankollu l-awtoritajiet Maltin qed iżommu fommhom sieket dwar dawn il-każi kollha, kemm dawk li ndunaw bihom il-Forzi Armati ta’ Malta kif ukoll dawk li nterċettaw l-għaqdiet mhux governattivi.
Filfatt, id-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru ta’ ftit tal-jiem ilu, li f’pajjiżna daħlu 1,000 immigrant, hu 250 immigrant iktar minn dak rappurtat s’issa.
//= $special ?>