Futbol Sport

Arsenal eliminati mill-Europa League b’gowl lejn it-tmiem tal-ħin barrani

(Ritratt: EPA)

Il-finalisti tal-istaġun li għadda Arsenal ġew eliminati mill-Europa League wara telfa ta’ 2-1 fl-Emirates Stadium li dawret ir-rebħa li għamlu fil-Greċja ġimgħa ilu. Arsenal ħasbu li marru fil-vantaġġ fit-38 minuta meta Lacazette tefa’ fix-xibka mill-viċin iżda l-gowl tiegħu kien imħassar minħabba offside.

Olympiacos marru fil-vantaġġ kmieni fit-tieni taqsima meta wara korner tajjeb ta’ Valbuena kien CISSE li tħalla żmarkat u b’daqqa ta’ ras għeleb lil Bernd Leno. Il-logħbiet kompliet fil-ħin barrani b’Arsenal jaħsbu li skorjaw il-gowl ta’ kwalifikazzjoni fil-113-il minuta b’gowl mill-isbaħ tal-captain PIERRE-EMERICK AUBAMEYANG. Iżda fil-120 minuta l-Griegi skorjaw il-gowl tal-kwalifikazzjoni meta YOUSSEF EL ARABI mattar siequ biex għeleb lil Leno.

Manchester United v Brugge

F’partita ddominata minn Manchester United, it-tim ta’ Ole Gunnar Solskjaer kiseb rebħa komda kontra Club Brugge 5-0. Kien Fit-22 minuta li Manchester United ingħataw penalty wara li Deli deher imiss il-ballun b’idu fil-kaxxa bir-referee u wara li kkonferma mal-VAR keċċa lid-difensur ta’ Brugge u saffar penalty. Inkariga minnu BRUNO FERNANDES li tefa’ lit-tim ta’ Solskjaer fil-vantaġġ.

Manchester United kabbru l-vantaġġ fl-34 minuta wara azzjoni tajba kien ODION IGHALO li tefa’ fix-xibka biex b’hekk skorja l-ewwel gowl tiegħu bil-flokk tar-Red Devils. Ftit qabel tmiem l-ewwel taqsima kien SCOTT MCTOMINAY li għamilhom tlieta għal Manchester United wara xogħol tajjeb bejn Fernandes u Fred. L-istess FRED għalaq il-partita b’żewġ gowls fit-82 minuta u fid-90 minuta

Espanyol v Wolves

Wolves għaddew għar-rawnd li jmiss minkejja li tilfu f’darhom kontra Espanyol. Għal din il-partita il-kowċ ta’ Wolves wettaq numru ta’ tibdiliet fil-formazzjoni inizjali wara r-rebħa ta’ 4-0 li kisbu fl-ewwel leg fi Spanja. Espanyol marru fil-vantaġġ permezz ta’ CALLERI wara li rċieva kross fil-baxx minn Pedrosa. Fit-22 minuta Wolves ġabu d-draw permezz ta’ ADAMA TRAORE wara li l-ewwel tentattiv ġie blokkat minn Calero bil-ballun jerġa’ jiġi f’saqajn Traore li b’xutt fir-rokna tax-xibka għeleb lil Andres.

Espanyol inagħtaw penalty fil-55 minuta wara fawl fuq David Lopez b’CALLERI jinkariga ruħu u jiskorja t-tieni gowl tiegħu. Fis-79 minuta kien MATT DOHERTY li mill-viċin tefa’ fix-xibka u ġab id-draw wara xogħol tajjeb ta’ Kilman. Fil-91 minuta CALLERI għaqqad it-tripletta wara li għat-tielet darba minn qagħda komda tefa’wara Patricio.

Inter v Ludogorets

F’partita li ntlagħbet mingħajr partitarji wara deċiżjoni mill-UEFA minħabba l-Coronavirus, Inter għaddew għal mal-aħħar 16. Kienu Ludogorets li marru fil-vantaġġ permezz ta’ CAULY li tefa’ wara Padelli wara xogħol tajjeb ta’ Cicinho. Inter ġabu d-draw sitt minuti wara fit-32 minuta, b’xutt ta’ CRISTIANO BIRAGHI li ġie mxellef minn Terziev. Ftit qabel il-mistrieħ ROMELU LUKAKU dawwar ir-riżultat favur it-tim ta’ Antonio Conte f’azzjoni tajba bejnu u Alexis Sanchez.

Gent v Roma

Draw kien biżżejjed għal Roma biex jikkwalifkaw fil-Belġju kontra Gent. Kienu Roma li resqu viċin kmieni fil-partita permezz ta’ Aleksandar Kolarov meta b’xutt tajjeb laqat il-lasta. Gent marru fil-vantaġġ fil-25 minuta wara li JONATHAN DAVID rċieva mingħand Bezus. Il-gowl tad-draw u dak li-assigura l-kwalifkazzjoni għal Roma wasal erba’ minuti wara minn JUSTIN KLUIVERT li b’xutt fil-baxx tefa’ wara Kaminsk. Il-poloz tal-aħħar 16 jitilgħu llum f’Nyon fis-1.00pm.

Timijiet li kkwalifikaw: Basel, Bayer Leverkusen, FC Copenhagen, Getafe, Inter, Istanbul Basaksehir, LASK, Manchester United, Olympiacos, Rangers, Roma, Sevilla, Shakhtar Donetsk, Wolves, Wolfsburg, Red Bull Salzburg/Eintracht Frankfurt