Internazzjonali

COVID19: L-aħħar aħbarijiet minn madwar id-dinja

Aktar minn 80,000 każ madwar id-dinja; 2,700 mewta

Fl-italjia – Jitla għal 14 in-numru ta’ vittmi tal-Coronavirus, biċ-ċifra ta’ dawk konfermati infettati issa titla għal madwar 528.

Intant, fl-aħħar sigħat ġie rreġistrat l-ewwel każ fir-reġjun tal-Puglia. Il-każ żviluppa f’Taranto u x’aktarx il-persuna infettata kien ġej min Codogna fil-Lombardia, raħal li kien wieħed minn tal-ewwel li ra l-ewwel każi ta’ Coronavirus fil-pajjiż.

Intant l-Iżrael issa qed jipprojbixxi d-dħul tat-Taljani fil-pajjiż. Dan ħabbru aktar kmieni il-Ministru tal-Intern Arie Deri.

Fil-Ġappun – Il-Prim Ministru Ġappuniz Shinzo Abe ordna l-għeluq tal-iskejjel primarji u sekondarji kollha għal perjodu ta’ ġimgħatejn minn nhar it-tnejn li ġej.

L-ordni ġiet wara li fl-aħħar sigħat fil-pajjiż kien hemm l-ewwel każ ta’ pazjenta li reġgħu feġġilħa l-virus wara li kienet fieqet minnu. Xi ħaġa li qed tħasseb mhux ftit lit-tobba.

Fl-Iran – Il-Viċi President tal-Iran Masoumeh Ebtekar ittestjat pożittiva għall-Coronavirus.

Dan seħħ ftit jiem biss wara li Iraj Harirchi, il-bniedem li kien responsabbli għall-kampanja kontra l-virus fl-Iran ukoll ittestja pożittiv wara li f’konferenza tal-aħbarijiet deher jegħreq.

Fl-Amerka – Fl-aħħar ħin f’Kalifornja ġie rreġistrat l-ewwel każ ta’ Coronavirus trasmess fil-komunità. Skont kelliem għaċ-Ċentru għall-Kontroll u l-Prevenzjoni tal-Mard, dan ifisser li l-virus issa jinsab fl-Istati Uniti.

Mistoqsi jekk jikkunsidrax li jwaqqaf titjiriet miz-zoni milquta mill-virus fl-Italja lejn l-Istati Uniti, il-President Amerikan Donald Trump wieġeb “nistennew u naraw”.

Fl-Awstralja – Il-Prim Ministru Awstraljan estenda l-projbizzjoni tad-dħul lil barranin li jkunu ġejjin miċ-Ċina għal ġimgħa oħra. Scott Morrison kien ordna din ir-restrizzjoni fl-ewwel ta’ Frar biex issa ilha fis-seħħ erba’ ġimgħat. 

F’konferenza tal-aħbarijet, hu qal li l-indikazzjonijiet huma li d-dinja se jkollha pandemija dalwaqt.

Fiċ-Ċina – Baqgħu għaddejja l-sforzi qawwija biex il-pajjiż ikompli jiġġieled il-Coronavirus.

Tobba u infermiera qed jaħdmu bla heda, sigħat twal, b’ħaddiema tas-saħħa nisa saħansitra jqaxxru xagħrhom biex inaqqsu ċ-ċans li jxerrdu l-virus. u bil-media Ċiniża tkun miżgħuda b’imaġġni ta’ tobba u nfermiera għajjenin hekk kif qed jaħdmu sigħat ferm itwal mis-soltu.

Kritikati l-awtoritatjiet ta’ Wuhan li ma ħadux azzjoni f’waqtha, bis-sindku tal-lokalita jiskuża ruħu talli dam biex ħareġ l-aħbar dwar il-virus, għax “ma kellux awtorizzazzjoni minn fuq”.

Fil-Korea t’Isfel – Fil-pajjiż Ażjatiku fejn ġew reġistrati eluf ta’ każi tal-virus, u fejn fl-aħħar sigħat kien hemm 334 każ gdid, b’total ta’ madwar 1,600 każ konfermat.

Il-virus f’dan il-pajjiż hu maħsub li nfirex wara li setta reliġjuża magħrufa li tlaqqa’ eluf ta’ nies f’post magħluq, baqgħet tlaqqa’ lill-fidili tagħha.

Huma kienu ordnati mill-mexxejja tas-setta biex ma jilbsux maskri protettivi.

Pajjiżi b’każi kkonfermati – Il-pajjiżi li sa issa għandhom każi kkonfermati tal-virus jinkludu l-Afganista, l-Alġeria, l-Awstrija, l-Bahrain, il-Brazil, il-Kambodja, il-Kanada, il-Kroazja, id-Danimarka, l-Eġittu, l-Estonja, il-Fillandja, Franza, il-Georgia, il-Ġermanja, l-Greċja, l-Indja, l-Iran, l-Iraq, l-Iżrael, l-Italja, l-Ġappun, il-Kuwajt, il-Lebanon, il-Malasja, il-Maċedonja, in-Nepal, in-Norveġja, l-Oman, il-Pakistan, il-Filippini, ir-Rumanija, r-Russja, Singapore, il-Korea t’Isfel, Spanja, s-Sri Lanka, l-Iżvezja, t-Taiwan, it-Tajlandja, l-Emirati, Għarab Magħquda, ir-Renju Unit, l-Istati Uniti u l-Vjetnam – biċ-Ċina, fejn oriġina l-virus, jibqa’ l-pajjiż bl-akbar numru ta’ każi u ta’ mwiet.

Issa l-Coronavirus xtered fil-kontinenti kollha minbarra l-Antarctica.