Lokali

Eks uffiċjal ta’ Kastilja issa fuq bord tal-appelli

Ritratt: Facebook
Ramona Attard ser tisma' appelli għal deċiżjonijiet tal-PA u ERA

L-ex ġurnalista tal-media Laburista Ramona Attard, li sa ftit ilu serviet fid-dipartiment tal-komunikazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, ġiet maħtura membru fil-bord tal-appelli għall-ippjanar.

Id-deċiżjoni, li ġiet imħabbra riċentament fil-Gazzetta tal-Gvern, qajmet kontroversja u rabja minħabba l-konnessjonijiet mill-qrib li Attard għandha fil-Partit Laburista.

Bil-liġi, dan il-bord għandu jkun wieħed “indipendenti u imparzjali” għaliex huwa jirrevedi d-deċiżjonijiet tal-Awtorità tal-Ippjanar kif ukoll dawk tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi.

L-eks uffiċjal f’Kastilja, li dejjem ħadmet ma’ Joseph Muscat, inħattret f’dan il-bord fuq parir tal-Prim Ministru Robert Abela. Attwalment, hi taħdem fil-kumpanija tal-kollega ġurnalist Charlon Gouder, l-istess kumpanija li tirrapreżenta numru ta’ impjegati f’Kastilja.

Għalkemm Attard qalet li temmet l-impjieg tagħha f’Kastilja qabel ma Robert Abela sar Prim Ministru, kienu bosta li staqsew għalfejn għamlet numru ta’ ġranet tkun f’attivitajiet li kellu Robert Abela bħala Prim Ministru.

Il-gvern Laburista hu kontinwament iffaċċjat bi kritika fuq numru ta’ ħatriet ġudizzjarji partiġġjani li għamel sa minn meta tela’ fil-Gvern lura fl-2013 bl-ammonti ta’ nies qrib il-Partit Laburista li qed ikunu mogħtija karigi simili għal ta’ Attard dejjem jikber.