Lokali

“Il-bdiewa qed jispiċċaw il-ħaruf tas-sagrifiċċju” – Malcolm Borg

Il-bdiewa qed jispiċċaw il-ħaruf tas-sagrifiċċju għan-nuqqas ta’ ppjanar fil-pajjiż. Hekk qal il-Kordinatur tal-Għaqda Bdiewa Attivi, Malcolm Borg, meta tkellem dwar il-qagħda tal-biedja f’pajjiżna fil-programm Net Live.

“L-AGRIKOLTURA U L-BDIEWA ĦAFNA DRABI JISPIĊĊAW IL-ĦARUF TAS-SAGRIFIĊĊJU GĦAN-NUQQAS TA’ PPJANAR U GĦALL KAPRIĊĊI FIL-PAJJIŻ TAGĦNA”

Hu spjega li l-bdiewa tul is-snin intalbu jagħmlu sagrifiċċji kbar, bħal ma sar fil-każ tas-Central Link, fil-każ tal-petrol stations li nbnew, u issa anke fil-każ tal-art ta’ 150 tomna fil-magħtab li l-Gvern irid jieħu minn idejn il-bdiewa biex jużaha għall-iskart.

Dan qed jissarraf fil-qerda tal-ftit art li ttina l-ikel.

Malcolm Borg – Koprdinatur Għaqda Bdiewa Attivi

“DIN MHIJIEX ART KWALUNKWE JEW ART ABBANDUNATA, IMMA HIJA ART LI QED TIPPROVIELNA L-IKEL U ALLUR ANKE STRATEĠIKAMENT MA TAGĦMILX SENS LI NIEĦDU L-ART AGRIKOLA

Borg qal li minbarra hekk, fin-nofs hemm ukoll l-għixien tal-bdiewa. Hu spjega li 70% tal-ikel li nikkonsmaw f’pajjiżna jkollna nġibuh minn barra. Hu saħaq li jekk inkomplu ninjoraw l-agrikoltura u l-importanza tax-xogħol tal-bdiewa se nkomplu npoġġu lilna nfusna f’pożizzjoni vulnerabbli hekk kif qed insiru dejjem aktar dipendenti fuq pajjiżi oħra għall-ikel tagħna.

Malcolm Borg enfasizza dan il-fatt…. u anke l-ħtieġa ta’ aktar għarfien.

“ARA KEMM QEGĦDIN F’POŻIZZJONI VULNERABBLI U KULL SENA LI TGĦADDI U KULL DARBA LI MA NIEĦDUX ĦSIEB IL-PRODUZZJONI TAL-IKEL TAGĦNA QED NIĠU F’IKTAR POŻIZZJONI VULNERABBLI. U L-IRONIJA HI LI KWAŻI ĦADD MA JITKELLEM FUQHA

Għall-fatt li mhux qed issir konsultazzjoni mal-bdiewa, il-kordinatur tal-Għaqda Bdiewa Attivi qal hekk.

“JEKK ALLAĦARES QATT JIĠRI BĦAL MA ĠARA FIL-KAŻ TAS-CENTRAL LINK, IL-BDIEWA SABU L-GAFEF WARA L-BIEB MINGĦAJR MA QALULHOM XEJN. BDEW IĊEMPLULI JGĦIDULI GĦANDI L-GAFFA WARA L-BIEB, X’SE NAQBAD NAGĦMEL. JIĠIFIERI LA KIENU JAFU MINN FEJN SE TGĦADDI T-TRIQ, LA KIENU JAFU KEMM SE JOĦDULHOM ART. MA KIENU JAFU XEJN

Xi ħaġa li Borg qal li qed jipprevedu li se jerġa’ jiġri meta ssir il-mina bejn Malta u Għawdex.

Borg spjega li l-bdiewa ma jipprovdux biss l-ikel fuq l-imwejjed tagħhna, imma qed jissalvagwardjaw ukoll spazji miftuħa, li tant qed jonqsu f’pajjiżna.

Malcolm Borg semma wkoll id-diffikultajiet li jiffaċċjaw il-bdiewa f’dak li hu ħlas għall-prodotti tagħhom, kif ukoll l-isfida tat-tibdil fil-klima li qed tissarraf f’nixfa mhux normali, u li tagħmel xogħol il-bidwi dejjem aktar diffiċli.

Matul il-programm hu spjega li f’pajjiżna, hawn madwar 200 bidwi b’kollox li vera jiddependu fuq l-għelieqi tagħhom.