Ekonomija Lokali Unjoni Ewropea

Il-kisbiet ekonomiċi mhux qed jissarrfu fi kwalità ta’ ħajja aħjar – PN

Il-kisbiet ekonomiċi ta’ pajjiżna ma ssarfux fi kwalità ta’ ħajja aħjar għall-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni.

Dan qalithu l-Kummissjoni Ewropea permezz tar-rapport annwali magħruf bħala l-Country report dwar pajjizna.

Ir-rapport li ġie ppubblikat ilbieraħ, li fih ġew identifikati numru ta’ kwestjonijiet li qed ixekklu kwalità ta’ ħajja soċjali u ambjentali aħjar fil-gżejjer tagħna.

Filwaqt li kkonfermat it-tkabbir ekonomiku, l-Unjoni Ewropea identifikat numru ta’ nuqqasijiet li jirriflettu dak li ilha tisħaq dwaru l-Oppożizzjoni, jiġifieri li s-suċċess ekonomiku mhux qed igawdu minnu l-maġġoranza tal-poplu.

Fost lista estensiva ta’ sfidi, l-Unjoni Ewropea tinnota li Malta għandha ċifri għolja ta’ studenti li mhux qed jilħqu livelli akkademiċi meħtieġa, bil-livelli tal-istudenti Maltin tibqa’ aktar baxxa mill-medja tal-Unjoni Ewropea.

Ir-rapport jindikaw wkoll differenzi kbar f’dak li hu impjieg bejn nisa u rġiel, li f’pajjizna hija l-akbar differenzafost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll ir-risku dejjem jikber tal-faqar f’għadd ta’ setturi fi ħdan is-soċjetà.

Ir-rapport jagħti ċamata lil pajjizna wkoll għall-livelli ta’ tniġġiż li qed iwasslu għal riskji kbar ta’ saħħa u li jgħid li bil-politika preżenti se jkomplu jiżdiedu.

F’dan il-kuntest, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista, permezz ta’ stqarrija ffirmata minn Mario de Marco, Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi, u Kristy Debono, Kelliema għall-Ekonomija, Servizzi Finanzjarji u Innovazzjoni appella biex isiru sforżi akbar biex ikun żgurat li s-suċċess ta’ Malta ma jkunx imkejjel fuq iċ-ċifri imma fuq it-titjib fil-ħajja tal-popolazzjoni kollha.