Il-President tal-FIFA Gianni Infantino ħabbar il-viżjoni tiegħu sas-sena 2023. L-għan prinċipali wara din il-viżjoni huwa li l-futbol isir verament globali u jilħaq u jinvolvi kemm jista’ jkun nies minn kull strata tas-soċjetà. Infantino ħabbar pjan ta’ ħdax-il proposta li se jiġi implimentat f’dawn it-tliet snin li ġejjin.
F’diskors qasir Infantino wera x-xewqa li l-futbol jiġi mmodernizzat u fis-snin li ġejjin ikun hemm 50 tim nazzjonali u 50 klabb minn kull kontinent li jkunu qegħdin jikkompetu fl-ogħla livell. Fost il-ħdax–il proposta fil-pjan ta’ Infantino l-iktar li jispikkaw huma li jkun hemm titjib fit-teknoloġija użata waqt il-logħob bħal VAR u anke li jikber u tingħata iktar promozzjoni il-futbol tan-nisa.
Proposti oħrajn msemmija f’dan il-pjan huma li l-organizzazzjonijiet tal-futbol ikunu iktar effiċċjenti u effettivi, li jkun hemm garanzija l-kompetizzjonijiet tal-FIFA jkomplu jkunu suċċess u kemm jista’ jkun il-kompetizzjonijiet jinvolvu lil kulħadd billi tingħata opportunità lill-iktar pajjiżi li jospitaw dawn il-kompetizzjonijiet.
Kull proposta hija bbażata fuq erba’ pilastri . Uħud minn dawn il-pilastri huma li t-tournaments tal-FIFA jkunu sostenibbli u li jagħtu opportunità lil bosta pajjiżi li huma membri fi ħdan il-FIFA jospitaw avvenimenti mondjali. Il-FIFA trid toħloq atmosfera fost il-partitarji u l-udjenzi madwar id-dinja biex jiġġieldu kontra r-razzismu u kull forma ta’ diskriminazzjoni.
//= $special ?>