Lokali Turiżmu

In-nuqqas ta’ pjan fit-tul tal-Gvern qed jolqot is-settur tat-turiżmu wkoll

L-MHRA taqbel ma' dak li ilu jsostni l-Partit Nazzjonalista

Il-ħtieġa li pajjiżna jkollu pjan fit-tul kull ma jmur qegħda tinħass dejjem aktar. Waqt laqgħa mal-Prim Ministru Robert Abela, l-MHRA esprimiet t-tħassib tagħha dwar in-nuqqas ta’ pjan fit-tul, partikolarment dwar kif dan qed jaffettwa s-settur tat-turiżmu. L-ippjanar iġib miegħu s-sostenibilità, liema fattur huwa essenzjali għas-serħan il-moħħ tal-investituri ul-ħaddiema fil-qasam tat-turiżmu. 

Il-Partit Nazzjonalista ilu jsostni li l-Gvern Laburista mhux qiegħed jagħti l-importanza mistħoqqa lill-kwalità tat-turisti li qed jattira pajjiżna. Din tirrifletti f’mudell ekonomiku aktar wiesgħa milli qed iħaddem dan il-gvern, fejn qed niddependu fuq il-popolazzjoni u mhux fuq il-produzzjoni. 

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjnalista qal li l-qasam tal-infrastruttura huwa essenzjali għal industrija tat-turiżmu sostenibbli. Fl-aħħar 6 snin pajjiżna esperjenza tkabbir qawwi fil-popolazzjoni, hekk kif żdiedet bi 18.2% jew 76,127 persuna b’żieda fid-densità qawwija ta’ pajjiżna. Dan wassal għal aktar pressjoni fuq l-infrastruttura, fejn rajna detriment u impatt negattiv fuq bosta setturi.

L-istqarrija tkompli tgħid li l-Gvern injora n-numru ta’ karozzi dejjem jiżdiedu fit-toroq, b’konġestjoni kbira tat-traffiku, fejn il-konsegwenzi huma arja aktar maħmuġa li qed tikkawża mard respiratorju u mwiet. Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ determinat li joffri politika alternattiva fejn permezz ta’ djalogu kontinwu man-nies u proposti konkreti, nassiguraw futur aktar sostenibbli u ta’ serħan il-moħħ għall-poplu Malti u Għawdxi. 

L-istqarrija kienet iffirmata minn Robert Arrigo, Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit u Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar it-Turiżmu, u Toni Bezzin, Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar it-Trasport u l-Infrastruttura