Lokali

Marthese Portelli tat servizz mill-aqwa lill-PN – Adrian Delia

"Ma Marthese dejjem kont naf fejn jien. Qatt ma kellha aġendi moħbija."

Fi stqarrija, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u tal-Oppożizzjoni Adrian Delia rringrazzja minn qalbu lil Marthese Portelli għas-servizz kbir li tat lill-Partit Nazzjonalista sa mill-ewwel jum li saret attiva fih.

Qal li Marthese tat ħafna lill-Partit f’kull kariga li ġiet fdatha fiha. Għarfet li l-politika hi servizz u serviet mingħajr qatt ma sserviet. Dejjem poġġiet l-interess tal-pajjiż u tal-Partit l-ewwel.

Adrian Delia kompla li kemm ilu Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, feda lil Marthese b’dekasteri sensittivi u dejjem ħarġet lill-Partit bl-unuri. Kienet kapaċi żżomm djalogu mal-imsieħba fis-setturi li tagħhom serviet bħala Kelliema u ħaddmet politika ta’ djalogu, mhux ta’ mibegħda u konfront li ma jwassal għal imkien.

Dejjem emmnet fil-politika ta’ persważjoni, u dejjem ġabet riżultati tajbin għall-Partit Nazzjonalista u għal pajjiżna. Ħadmet bla heda fid-distretti li minnhom ġiet eletta u kienet viċin in-nies, kif għandu jkun politiku denju tal-kariga li jokkupa.

Ma’ Marthese dejjem kont naf fejn jien, qal Adrian Delia, li kompla li kritika kostruttiva dejjem fittxet li tagħmilha mingħajr aġenda moħbija u dan kien apprezzat dejjem. Qal li jittama u jħeġġeġ lil Portelli biex tibqa’ tagħti l-kontribut siewi tagħha b’risq il-Partit Nazzjonalista u l-pajjiż.

Adrian Delia rringrazzja lil Marthese u lill-għeżież tagħha tas-sehem mill-aktar utli li taw lil Malta u lill-Partit Nazzjonalista.