Lokali

Marthese Portelli tirriżenja minn Membru Parlamentari

Marthese Portelli rriżenjat minn Membru Parlamentari wara li fl-2017 reġgħet kienet eletta – din id-darba minn żewġ distretti elettorali. Fil-fatt, wara li kienet eletta fl-2013, fl-aħħar elezzjoni ġenerali kienet eletta mid-9 u t-13-il distrett.

Fuq Facebook, Portelli qalet li kkomunikat ir-riżenja tagħha lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia.

Fil-messaġġ tagħha, hi rringrazzjat liż-żewġ Kapijiet tal-Partit Nazzjonalista li ħadmet taħthom bħala Membru Parlamentari – Adrian Delia u Simon Busuttil – li esprimew fiduċja fiha bl-oqsma sensittivi li fdawlha biex issegwi.

Kompliet billi rringrazzjat lill-kollegi tagħha fl-Oppożizzjoni Nazzjonalista u anke lill-membri fuq in-naħa tal-Gvern, kif ukoll lill-eluf ta’ Maltin u Għawdxin li emmnu u appoġġjaw il-ħidma tagħha fil-Parlament.

Marthese Portelli appellat biex il-politika tintuża’ biex jitkattar il-ġid komuni u li min jidħol fil-politika għandu jara li jagħmel dan. Tħoss li f’dawn l-aħħar seba’ snin tgħallmet ħafna u ltaqgħet ma’ ħafna nies filwaqt li tat l-almu kollu tagħha biex pajjiżna jkompli miexi ‘l quddiem.

Filwaqt li elenkat uħud mill-impenji tagħha f’dawn is-seba’ snin, hi awgurat ħidma fejjieda lill-Membri Parlamentari kollha fl-aħjar interess tal-poplu kollu. Ħeġġithom jaħdmu biss għal dak li hu sew u għal dak li hu fl-aħjar interess tal-pajjiż, b’politika ta’ persważjoni.

Sadanittant, fi stqarrija, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia irringrazzja lil Marthese Portelli u lill-għeżież tagħha għas-sehem utli li taw lil Malta u lill-Partit. Qal li hi dejjem ħaddmet politika ta’ djalogu u mhux ta’ mibgħeda, filwaqt li ħadmet bla heda viċin in-nies fid-distretti li ġiet eletta minnhom.