Lokali Qorti

Sentenza sospiża wara li beżża’ xhud biex jittanta ma jgħidx il-verità fil-Qorti

Il-Qorti tal-Maġistrati ta’ Għawdex ikkundannat lil Alfred Attard ta’ 50 sena minn San Pawl il-Baħar għal ħames xhur priġunerija sospiżi għal sentejn talli ttanta jbeżża xhud billi heddu fil-kuridur tal-Qorti.

Huwa nstab ħati mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech li hedded lil ċertu Victor Borg u li kiser il-paċi pubblika. Dan il-każ kien seħħ fil-31 ta’ Jannar fid-9.30 am fil-Qorti tal-Maġistrati ta’ Għawdex.

Mill-provi rriżulta li Attard għamel xi xogħol ta’ investigatur privat lill-vittma, imma ma riedux jixhed li dan għamlu bi ħlas. Surġent tal-Pulizija xehed fil-Qorti li waqt li kien qed jistenna fl-awla inġibdet l-attenzjoni tiegħu li fil-kurridur barra l-awla kien għaddej argument bejn żewġt irġiel.

Is-Surġent qal “jien hriġt immedjatament fejn avviċinani ċertu Victor Borg u qalli li huwa kien għadu kemm ġie mhedded minn ċertu Alfred Attard.”. Attard mill-ewwel caħad l-allegazzjoni.

Madankollu kompla jgħid li l-allegat vittma kien qallu li Attard kien heddu li se joqtlu jekk huwa se jispiċċa l-habs. Minn investigazzjoni li għamel is-Surġent ħareġ li Borg kellu jaghti x-xhieda tiegħu fi proċeduri kriminali fil-konfront ta’ Alfred Attard.

Victor Borg qal minn naħa tiegħu li kien mħarrek bħala xhud mill-Pulizija biex jixhed f’kawża li kienet tirrigwarda xogħol li għamel l-imputat. Ma jiftakarx kif kien beda d-diskors ma Attard iżda dan kien diġa’ ċempillu qabel u semmielu kliem fis-sens li hu, Attard, kien stqarr mal-Pulizija li x-xogħol għamlu lil Borg bħala ħbieb.

Borg tenna li dakinhar li kellmu ma kienx merrieh. “X’ħin konna qegħdin barra l-awla qalli,“issa, tgħidilhomx li tajtni x-xogħol.” Għidtlu, “jien mhux ħa nigdeb hawn.” Imbagħad beda jheddidni…. qalli, “jekk immur il-ħabs se jkollok problemi kbar miegħi, ħa tlaqqatha,” u baqa’ sejjer hekk,…Qalli, “ħa jkollok problemi kbar miegħi ħafna.”

Qalli, “jien ma nibża’ minn ħadd,” qalli “qed ngħidhielek il-Qorti stess, minn ħadd ma nibża’, problemi kbar kbar ħa jkollok miegħi.” Borg qal li fi stadju minnhom meta kien jitkellem Attard, hu beda jirrekordjah. Borg fil-fatt esebixxa ‘audio-recording’ fejn identifika l-vuċi tiegħu kif ukoll dik tal-imputat.

Ix-xhud spjega wkoll li dan seħħ hekk kif wieħed jinżel it-taraġ li hemm barra mill-awla C, fil-bini tal-Qorti t’Għawdex. Borg kien qal ukoll li bażikament li kien ġara dakinhar waqt li kien hemm il-kawża fejn Alfred

Attard kien akkużat li għamel xogħol ta’ ‘private investigator’.
Borg qal li huwa kien qallu li kien ġie mmultat €150. Attard wieġbu, “mela inti għidtilhom li għamiltlek xi xogħol jew hekk?” u Borg qal li huwa wieġbu fl-affermattiv. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Josef Gauci.