Kultura Lokali

Sitwazzjoni ta’ diskriminazzjoni lampanti fl-industrija tal-films

F’stqarrija maħruġa f’isem il-Partit Nazzjonalista mill-Kelliema tal-Oppozizzjoni dwar il-Media u l-Kultura u l-Identità Nazzjonali, Therese Comodini Cachia ingħad li l-kultura ta’ diskriminazzjoni li huwa sinonimu magħha l-Gvern Laburista qed tolqot setturi differenti fosthom ukoll l-industrija tal-films.

Dan hekk kif il-midja żvelat kif bosta kumpaniji tal-produzzjoni tal-films qegħdin jiġu esklużi mil-lista ta’ films li l-Malta Film Commission tipprovdi lil ċinematografi barranin li jiġu f’pajjiżna sabiex jiffilmjaw.

L-istqarrija kompliet tgħid li dan kollu qed joħloq xenarju li jwassal għal favoritiżmu għal ftit magħżula li jitpoġġew fil-lista u b’detriment għall-bqija tal-kumpaniji tal-produzzjoni u għal qasam Malti taċ-cinematografija.

Dan huwa eżempju ieħor ta’ kif il-favuritiżmu tal-gvern ma’ dawk tal-qalba iwassal għal diskriminazzjoni fejn mhux kulħadd qed igawdi mill-istess opportunitajiet, mingħajr indħil.

Il-Partit Nazzjonalista jinsab imħasseb b’din id-diskriminazzjoni u jemmen li kulħadd għandu jingħata opportunitajiet indaqs.

Għaldaqstant jingħaqad mat-talba li sarei mill-Assoċjazzjoni tal-Prodotturi tal-Films li l-Kummissarju tal-Films għandu jġorr ir-responsabbiltà politika u jirriżenja wara dan l-aġir skandaluż.

Għandha tiġi wkoll adottata policy imparzjali li tinkludi lil kulħadd sabiex din id-diskriminazzjoni ma ssirx, temmet tgħid l-istqarrija tal-PN.