Lokali

Tkompli tinkixef il-qasma fil-Partit Laburista

L-aħbar li Randolph Debattista tkeċċa minn Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista kompliet turi l-veru qasma li teżisti fil-Partit Laburista.

Status fuq Facebook tal-eks uffiċċjal ta’ Kastilja Neville Gafa’ huwa xhieda ta’ dan hekk kif Gafa’ qal li “Ħadd wara Ħadd tasal ta’ kulħadd”, b’reazjoni għad-deċiżjoni tat-tmexxija li tneħħi lil Debattista minn irwol li okkupa għal numru ta’ snin.

Fil-Qorti, taħt ġurament, Gafa’ qal li jiltaqa’ ma’ Schembri kuljum

Fi żmien meta Joseph Muscat ħabbar ir-riżenja tiegħu u meta bdiet it-tellieqa għall-mexxej ġdid tal-Lejber, Debattista u Gafa’ qatt ma żammew lura milli jesprimu l-opinjoni tagħhom b’mod apert fuq il-media soċjali, opinjoni li spiss wriet il-qasma fi ħdan il-Partit Laburista.

Minkejja li Debattista kien fiċ-ċentru tal-organizzazzjoni tal-elezzjoni interna fil-Lejber u ftaħar fuq Facebook għal mod ta’ kif mexa l-proċess, għal xi raġun mhu magħrufa, il-Kap Eżekuttiv xorta spiċċa mkeċċi.

Wieħed tajjeb ifakkar li tul dan il-proċess li wkoll wera qasma kbira fil-Lejber, Debattista kien ħareġ jgħid li Net News qed joħolqu stejjer ‘Fake’. Madanakollu, testimonjanza fil-Qorti tad-Deputat Kap tal-Komunikazzjoni f’Kastilja, Nigel Vella wriet biċ-ċar li dan is-sit kien qed jgħid il-verità u li Debattista gideb b’mod apert.

Dan għaliex, Vella, taħt ġurament saħaq li fir-raba sular taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista jeżistu security codes minkejja li Debattista qal li dawn ma jeżistux.

Wieħed tajjeb jinnota li l-istess bħal Gafa’ li jinsab kuntent li tkeċċa Debattista, Vella deher li għandu relazzjoniji mill-qrib ma’ l-eks Chief of Staff Keith Schembri wara ritratt li kien tefa’ fuq il-media soċjali.

Huwa sigriet magħruf li s-sitwazzjoni ta’ Keith Schembri kompliet taqsam lil dawk fil-Partit Laburista u jidher li Gafa’ baqa’ qatt ma ħafer lil Debattista għal mod kif tkellem dwar dawk qrib tiegħu.

Fl-aħħar ftit xhur tiegħu fil-kariga ta’ Kap Eżekuttiv, minkejja kritika kbira fil-konfront ta’ Joseph Muscat, kritika li waslitu biex jirriżenja, Debattista kien fost dawk li wera s-sapport tiegħu fl-eks Prim Ministru meta ħarġu aħbarijiet li xxokjaw il-pajjiż b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Mhux Gafa’ biss ikkummenta dwar it-tkeċċija ta’ Debattista…