Lokali

APPELL URĠENTI – spiċċat il-provvista tad-demm

Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm qed jagħmel sejħa urġenti għad-demm hekk kif il-provvista spiċċat għalkollox.

Dan ifisser li jekk jinqala’ xi inċident ikrah, jew persuni li jkollhom bżonn urġenti ta’ intervent mediku, il-vittmi jkunu f’riskju serju għal saħħithom hekk kif ma hemmx demm x’jingħataw.

Fid-dawl ta’ dan qed issir talba mqanqla biex dawk li jistgħu jagħtu d-demm jagħmlu dan mill-iktar fis possibbli.

Bl-għan li jinġabru kemm jista’ jkun donazzjonijiet, iċ-Ċentru Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm illum se jibqa’ miftuħ sad-21:00.

Is-Sibt 29 ta’ Frar u l-Ħadd 1 ta’ Marzu l-ħinijiet tal-ftuħ ikunu mit-8:00am sas-6:00pm.

Il-Ħadd 1 ta’ Marzu l-għoti tad-demm jista’ jsir ukoll fil-Mobile Blood Donation Unit li bejn it-8:30am u s-1:00pm ser ikun f’ Pjazza Medjatriċi, maġenb il-knisja parrokkjali ta’ Ħaż-Żabbar u fil-Berġa tax-Xewkija f’Għawdex li ser tkun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8:00am sas-1:00pm.

F’dan il-mument ta’ sejħa dawk kollha li huma f’saħħithom huma mitluba biex juru solidarjetà mal-morda li qed jinstennew trasfużjoni u joffru l-id ġentili tagħhom għad-donazzjoni tad-demm.