Il-laqgħa li kienet skedata għal nhar it-Tnejn b’rabta mal-Coronavirus, u li kellha tlaqqa’ l-imsieħba soċjali kollha flimkien, ġiet kanċellata. Dan minkejja l-appelli ripetuti biex il-unions u l-Korpi Kostitwiti jiltaqgħu b’mod immedjat ħalli l-pajjiż ikun preparat fuq kull livell.
Fi stqarrija, il-Kamra tal-Kummerċ esprimiet id-diżappunt tagħha għall-fatt li l-laqgħa tal-Employment Relations Board ġiet imħassra. Il-laqgħa, oriġinarjament, kienet imsejjħa għal tliet ijiem oħra.
Id-diżappunt huwa doppju minħabba l-fatt li bħalissa teżisti urġenza li b’mod immedjat ikun hemm pjan fejn jidħlu l-ħaddiema u n-negozji.
Anke l-UĦM Voice of the Workers kienet insistiet dwar il-bżonn li ssir din il-laqgħa u jkun hekk diskussjoni dwar xenarji possibbli li jistgħu jinħolqu kaġun tal-Coronavirus. L-istess appell sar anke mill-GWU illum.
Il-UĦM minn naħa tagħha ilha jumejn illi appellat lill-Gvern biex jitwaqqaf kumitat apposta dwar il-Coronavirus li jkun qed jaħdem b’mod speċifiku fuq l-effetti li jista’ jkun hemm fuq il-ħaddiema u l-ekonomija in ġenerali.
Tħassib ieħor tal-Korpi Kostitwiti huwa relatat mal-fatt li l-ħaddiema tal-Gvern se jkunu qed jingħataw quarantine leave; xi ħaġa li skont il-UĦM għandha tkun mifruxa anke għall-privat premezz ta’ avviż legali jew linji gwida ċari. Il-Kamra tal-Kummerċ qalet li f’dan ir-rigward hemm bżonn djalogu u konsultazzjoni bil-għan li l-privat japplika tali miżuri ta’ kwarantina għall-ħaddiema tiegħu.