Sport Sport Ieħor

Djokovic fil-finali tal-Open ta’ Dubai kontra Tsitsipas

(Ritratt: EPA)

In-numru wieħed tad-dinja Novak Djokovic salva tliet match points biex għeleb lill-Franċiż Gael Monfils 2-6, 7-6, 6-1. Fil-finali tal-Open ta’ Dubai jaffronta lill-Grieg Stefanos Tsitsipas. Djokovic għadu ma tilifx din is-sena u r-rebħ tal-Open tal-Awstralja ġedded is-serje bla telfa fl-2020 għal 17-il logħba, f’dik li kienet ukoll is-17-il rebħa fuq Monfils.

Wara l-logħba, l-istess Djokovic ammetta li l-avversarju tiegħu kien l-aħjar tennist għal żewġ sets. “Kont fortunat li erġajt dħalt fil-logħba fit-tieni set. Gael lagħab daqs l-aħjar logħob tiegħu, lagħbt kontrih diversi drabi. Naf li jiddefendi tajjeb imma dak li għamel illum għal żewġ sets kien inkredibbli.”

Monfils kiser is-service tal-avversarju fl-ewwel set, f’dak li kien l-ewwel set li Djokovic tilef f’dan it-tournament. Hu għamel total ta’ 17-il unforced error. Is-service ta’ Djokovic inkiser meta kienu 1-1 fit-tieni set, iżda hu kiseb l-ewwel break point biex għamel l-iskor 3-3.

Monfils irnexxielu jsalva ħames set points biex kompla l-logħba f’tie-break. Il-Franċiż kien 6-3 fil-vantaġġ qabel tilef tliet match points, b’Djokovic japprofitta minn double fault biex ġab id-draw bit-tmien set point tiegħu. Fit-tielet set, Djokovic kiseb 12-il punt konsekuttiva biex mar 4-1 u għalaq il-logħba fl-ewwel match point li kellu. Tsitsipas għeleb lil Dan Evans 6-2, 6-3, f’dik li hi t-tieni finali f’ġimgħa wara li l-Ħadd li għadda rebaħ l-Open ta’ Marseille.