Lokali Saħħa

Studenti li suppost qegħdin kwarantina, xorta jintbagħtu l-iskola

Diversi ġenituri kellhom jiġu msejħa sabiex jiġbru lit-tfal tagħhom mill-iskola wara li rriżulta xi dawn l-istudenti xorta waħda ntbagħtu l-iskola minkejja li ngħataw il-parit sabiex jinżammu d-dar taħt kwarantina.

Ħaddiema fis-settur pubbliku, inklużi edukaturi, li żaru ċ-Ċina, Singapor, Ħong Kong, il-Ġappun, Korea t’Isfel, l-Iran u t-Tramuntana tal-Italja kienu mitluba sabiex jagħmlu awto-kwarantina bħala parti mill-isforzi biex dan il-virus ma jinfirix. Il-ġenituri ġew ukoll mitluba sabiex iħallu lit-tfal tagħhom id-dar jekk f’dawn l-aħħar jiem żaru dawn il-pajjiżi msemmija.

Filwaqt li l-awtoritajiet tas-saħħa qalu li ma kienx hemm bżonn għal miżuri estremi bħall-evitar ta’ folol jew li t-tfal ma jintbgħatux l-iskola, dawk li vvjaġġaw lejn pajjiżi milquta ġew imħeġġa għall-awto-kwarantina.

Nies li tkellmu magħna urew it-tħassib tagħhom li minkejja dan, l-għalliema kellhom isejħu għall-ġenituri tal-istudenti li riċentement rritornati mill-Italja jew wieħed mill-pajjiżi affettwati, għaliex injoraw il-parir tal-awtoritajiet tas-saħħa.

Sadanittant, fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ġenituri tal-Istudenti tal-Iskejjel tal-Istat (MAPSSS) appellat lill-ġenituri, l-għalliema u lit-tmexxija tal-iskola sabiex ikunu osservati strettament id-direttivi maħruġa mill-awtoritajiet.