Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ juri solidarjetà mal-bdiewa, ir-residenti u dawk kollha li se jintlaqtu mid-deċiżjoni rresponsabbli li qed jieħu l-Gvern Laburista li permezz tal-Wasteserv jrid jieħu 226 tomna ta’ raba fl-inħawi tal-Magħtab. Dan ifisser li dawn il-bdiewa se jiġu żgumbrati mill-għelieqi tagħhom u ukoll residenti li se jispiċċaw imkeċċija minn fejn jgħixu fl-istess inħawi.
Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Self Employed, in-Negozji ż-Żgħar, il-Koperattivi, il-Biedja u s-Sajd Edwin Vassallo, il-Partit Nazzjonalista jinnota t-talba li saret mill-bdiewa permezz tal-avukat tagħhom bil-protest ġudizjarju li tressaq illum fil-Qorti u jingħaqad magħhom u dawk kollha nvoluti fit-talba li qegħdin jagħmlu lill-Gvern biex imur lura minn din id-deċiżjoni. Minflok, il-Gvern għandu jiddikjara li din ir-raba mhix se tinqered u minflok jinstabu soluzzjonijiet oħrajn u mod ieħor. Il-PN qed jimpenja l-ħidma u r-riżorzi tiegħu bħala għajnuna għall-bdiewa f’din it-talba li tressqet lill-Gvern Laburista biex imur lura mid-deċiżjoni.
Il-Partit Nazzjonalista jwiegħed li se jibqa’ jgħin lill-bdiewa tagħna sabiex bil-ħila kollha tagħhom jibqgħu jaħdmu ir-raba tagħhom mingħajr il-biża’ li tittieħdilhom.
//= $special ?>