It-Turkija u l-Gvern tas-Sirja mmexxija mill-President Bashar al-Assad qed ikunu mħeġġa biex jieħdu pass lura minn eskalazzjoni potenzjali tal-konflitt f’Idlib li kapaċi jirriżulta f’katastrofi umana.
Dan wara li fl-aħħar sigħat inqatlu tal-anqas 33 suldati Torok waqt attakk mill-qawwiet tal-Gvern Sirjan fuq iz-zoni lejn il-majjistral tas-Sirja li qegħdin jiddefenduhom il-ġellieda tal-Oppożizzjoni.
Il-qtil tal-militar wassal biex it-Turkija – li qed tappoġġja lill-Oppożizzjoni Sirjana – tirritalja fil-konfront tal-qawwiet Sirjani ‘u fejn it-Torok laqtu tal-anqas 200 mira tal-Gvern tas-Sirja’. Il-kelliema għat-Turkija qalu li b’dawn l-azzjonijiet kienu ‘newtralizzati’ ’il fuq minn 300 suldat tar-reġim ta’ Damasku.
Ir-Russja, li hi l-alleata ewlenija tal-President Assad, qalet li t-truppi Torok spiċċaw attakkati mill-qawwiet Sirjani fil-provinċja ta’ Idlib. Ir-Russi sostnew li t-truppi Torok f’Idlib ‘kienu qegħdin jappoġġjaw lill-ġellieda Iżlamiċi ġiħadisti’ iżda ċaħdu li l-militar tar-Russja kien involut fil-ġlied partikulari.
Il-qawwiet ta’ Assad, bl-għajnuna tal-qawwiet tar-Russja, ilhom il-ġimgħat jippruvaw jieħdu lura l-kontroll ta’ Idlib mingħand il-gruppi tal-ġiħadisti u l-gruppi tar-ribelli fl-inħawi li huma appoġġjati mit-Turkija. Il-provinċja ta’ Idlib hi l-aħħar waħda fis-Sirja li għadha f’idejn il-ġellieda tal-Oppożizzjoni.
Intant, l-aħħar rapporti suġġerew li t-Turkija – bħala membru ewlieni tal-Alleanza tan-NATO – qed tnaqqas mill-kontrolli riġidi mal-fruntiera bil-għan li tippermetti lir-refuġjati Sirjani jsibu refuġju fl-Unjoni Ewropea.
//= $special ?>