Lokali

Il-maltemp iħarbat it-tiswijiet

Il-maltemp imbassar għall-jiem li ġejjin, b’riħ li jista’ jilħaq Forza 8, qed iħarbat il-proċess ta’ tiswija fuq l-interconnector.

Iddikjarat dan l-Enemalta, li fl-aħħar jiem lestiet fażi oħra tal-proġett billi cable ġdid ġie mgħaqqad mal-parti tal-interconnector lejn Malta.

Issa fadal ix-xogħol fuq il-parti tal-interconnector lejn Sqallija, li suppost kellu jsir fil-jiem li ġejjin. Iżda dan ġie pospost, kif jispjega l-Inġinier Jason Vella, Kap Eżekuttiv tal-Enemalta.

Minkejja dan, l-indikazzjonijiet s’issa huma li x-xogħol se jkun komplut sat-tielet ġimgħa ta’ Marzu, grazzi għall-ħidma tal-impjegati tal-Enemalta li fl-aħħar ġimgħat ħadmu b’rata iktar mgħaġġla milli mistenni.

Dan waqt li għadhom għaddejjin id-diskussjonijiet bejn il-kumpaniji tal-assigurazzjonijiet dwar min se jħallas għall-ħsara, li mistennija twassal għal kont ta’ madwar €11-il miljun.

L-Enemalta għaddejja wkoll bi proġetti ta’ tisħiħ u modernizzar ta’ numru ta’ ċentri tad-distribuzzjoni madwar Malta bl-iskop li tilqa’ għad-domanda dejjem ikbar – domanda li fl-ahhar xhur tant kienet kbira li rrizultat fi qtugh tad-dawl li kien kwazi sar in-norma minflok l-eccezzjoni, u li affetwa wkoll diversi negozji. Bejn l-2014 u l-2018, id-domanda għall-elettriku f’pajjiżna żdiedet b’20%.