Lokali

Imnedija l-21 edizzjoni tal-LifeCycle Challenge

Kienet imnedija l-21 edizzjoni tal-LifeCycle Challenge, li din is-sena se tieħu liċ-ċiklisti lejn l-Arġentina u ċ-Ċili.

Minkejja li l-isfida fadlilha ftit anqas minn tmien xhur biex tittella’, bdiet ħidma intensiva ta’ promozzjoni u biex tinħoloq kuxjenza fost il-poplu, biex jgħin lil min hu fil-bżonn.

Shirley Cefai, iċ-Chairperson ta’ LifeCycle Challenge, fissret l-isfidi li jiltaqgħu magħhom il-pazjenti li jkollhom imorru għall-kura tal-kliewi fir-Renal Unit.

L-isfida tal-LifeCycle se ssir bejn il-11 u l-25 ta’ Ottubru u tinkludi 2,000 kilometru ta’ qdif. S’issa diġà rreġistraw 32 ċiklist u tmien membri fit-tim ta’ appoġġ, b’uħud minn dawn diġà wettqu l-isfida għal aktar minn darba.

Il-Fundatur ta’ LifeCycle Alan Curry innota kif sa mill-1999, s’issa l-isfida ħadet liċ-ċiklisti f’49 pajjiż – l-akbar wieħed ikun ir-Russja u l-iżgħar l-Istat tal-Vatikan.

Iċ-ċiklisti se jitilgħu sa 4,000 metru ogħla mill-livell tal-bahar, fejn hu stmat li dawn se jkunu qed ikopru medja ta’ 90 kilometru kuljum… b’velocita’ ta’ madwar 20 kilometru fis-siegħa.

It-tnedija saret fil-Hilltop Gardens, fejn ingħad ukoll li ġie kkonfermat il-ftehim bejn l-għaqda u Nestle Malta.