Lokali Qorti

Kenneth Camilleri u Ray Barbara ma jiftakru kważi xejn!

Kenneth Camilleri li siefer erba’ darbiet il-Libja ma’ Neville Gafa u Ray Barbara, Assistent Personali tal-eks Prim Ministru attwali u dak preċedenti naqsu li jwieġbu diversi mistoqsijiet mill-membri tal-Bord ta’ inkjesta fejn fil-fatt fl-awla numru 20 tal-Qorti, l-aktar tweġibit li huma nisslu kienu ‘ma nafx u ma niftakarx’. Camilleri qal ukoll li ma’ Melvin Theuma huwa ltaqa’ wkoll erba’ darbiet.

Kenneth Camilleri, eks membru tas-sigurtá ta’ Joseph Muscat minkejja li kien preżenti ma’ Neville Gafa fil-Libja qal li ma kienx jaf x’kien qed jiġi diskuss. Meta kien qed jixhed fl-inkjesta pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Camilleri kemm il-darba qal li ma kien jaf xejn x’kien qed jiġri.

Huwa qal li ma kienx baqa’ jaħdem Transport Malta, wara stejjer li deheru dwaru hekk kif ipprova jispjega il-preżenza tiegħu ma’ Neville Gafa’ fil-Libja. Qal li kien imur il-Libja biex joffri protezzjoni lil Gafà, iżda ma kienx ikun armat.

Qal li “Arthur Gerard mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin kien ikuntattjani u qalli biex immur miegħu barra. Gafa’ kien staqsieni biex immur miegħu l-Libja u jiena aċċettajt …”

Mistosqi mill-Bord x’kien ikun diskuss waqt il-laqgħat li għalihom kien jattendi Gafa’, Camilleri qal li ma jafx, fost il-ħafna ‘ma nafx’ li huwa beda jwieġeb.

Il-membru tal-Bord tal-Inkjesta l-Imħallef Emeritus Joseph Said Pullicino ma tantx deher konvint fir-risposti tax-xhud u qallu hija diffiċli li ma kontx taf x’qed jiġi diskuss, ‘meta kont qrib Gafa’.

Camilleri tenna kif darba – meta kienu l-Libja – kien ġie jkellmu ċerta persuna Tajouri. Tkellmu bl-Għarbi. “Normalment kont responsabbli għas-sigurtá, darba tħallejt nidħol f’din il-kamra l-kbira.

Mistoqsi x’kien jiddiskuti ma’ Gafa’, Camilleri qal li kienu jitkelmu fuq kollox minbarra xogħol l-istess Gafa’. Dwar Keith Schembri huwa ddeskrivih bħala ‘kollega’ għalkemm sostna li kien ilu ma jkellmu.

Xehed Ray Barbara Assistent Personali kemm tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat u llum għadu fl-istess pożizzjoni taħt il-Prim Ministru attwari Rober Aberal.

Huwa qal li huwa persuna ta’ fiduċja u li qabel kellu impjieg mal-kumpanija GO bħala tekniku. Sostna li hu kien jirranġa l-laqgħat għal Muscat imma ma kienx jattendi għalihom.

Mistoqsi jekk Muscat qattx iltaqa’ ma’ nies li jistgħu jkunu kontroversjali, Barbara qal li ma jiftakarx għalkemm meta mistoqsi jekk qatt Muscat iltaqa’ ma’ Joe Gasan – tal-Grupp Gasan u wieħed mid-Diretturi tal-konsorzju GEM Holdings li huwa sieħeb minn tlieta li jmexxu l-Electrogas – hu wieġeb fl-affermattiv.

Qal li żgur qatt ma bagħat għal Yorgen Fenech u li sar jaf bl-akkużat minn fuq il-gazzetti. Huwa wieġeb iva meta mistoqsi jekk ikunx jaf il-passi kollha tal-Prim Ministru u fin-negattiv meta mistoqsi jekk qattx kien hemm diskussjoni dwar il-blogg ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-Bord ta’ nkjesta staqsiet dwar l-użu tiegħu tal-midja soċjali u Barbara qal li hu ma tantx jużaha. Tenna li jista’ jkun li ġieli għamel xi retweet b’posts ta’ nies bħal Glenn Bedingfield imma qatt ma xerred aħbarijiet li jorbtu lil Daphne Caruana Galizia ma’ xi kuntrabandu taż-żejt, qal Barbara.

L-avukat f’isem il-familja Caruiana Galizia, Jason Azzopardi staqsa jekk Muscat qattx kellu laqgħat ma’ Paul Apap Bologna u Mark Gasan, hawn huwa qal li ma kienx ċert.

Staqsih ukoll jekk qattx Muscat iltaqa’ ma’ Turab Musayev, Direttur tal-Electrogas bħala rapreżentant tas-SOCAR, imma Barbara għal darba oħra qal li ma jistax jiftakar li Muscat ltaqa’ ma’ din il-persuna.

L-ewwel xhud kienet Corinne Vella, oħt Daphne Caruana Galizia, li qalet li Ray Barbara, wieħed mix-xhieda ewlenin tal-lum, kien jaħdem mill-qrib ħafna tal-eks PM Joseph Muscat u anke jekk dan ma fih xejn ħażin, ifisser li l-istess Barbara jkollu għarfien dwar il-ħidma, laqgħat u impenji li kellu Muscat.

Qalet li Barbara għadu sal-lum jaħdem Kastilja, issa bħala Assistent Personali tal-PM Robert Abela. L-inkjesta qed tiġi preseduta mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia se qed jokkupa r-rwol ta’ chairperson, il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro.

Flimkien mal-Avukat Therese Comodini Cachia qed jidhru għall-familja Caruana Galizia, l-Avukati Jason Azzopardi u Andrew Borg Cardona. Is-smigħ tal-Inkjesta se jkompli nhar l-Erbgħa, u għalhekk is-seduta ta’ nhar it-Tnejn mhijiex se ssir u dan minħabba li Kurt Farrugia, l-eks Kap tal-Kommunikazzjoni ta’ Joseph Muscat se jkun barra l-pajjiż.