Lokali

L-Ispettur Gabriel Micallef jieħu f’idejh it-Taqsima tat-Traffiku

Wara skandlu kbir li heżżeż il-Korp tal-Pulizija, l-Aġent Kummissarju Carmelo Magri poġġa’ lill-Ispettur Gabriel Micallef responsabbli mit-Taqsima tat-Traffiku.

Kien fil-11 ta’ Frar li għadda meta l-media bdiet tesponi dettalji dwar investigazzjoni li kienet għaddejja fuq għadd kbir ta’ uffiċjali tal-Pulizija li kineu involuti f’racket sħiħ li sewa’ l-eluf ta’ ewro lill-Korp. Dan apparti stejjer ta’ abbuż, theddid fuq uffiċjali oħra tal-Pulizija, relazzjonijiet intimi bejn Pulizija f’forma ta’ tpattija, ċitazzjonijiet maħfura b’mod abbużiv u ħafna aktar.

F’Diċembru tal-2014, l-Ispettur Micallef kien tpoġġa’ fuq forced leave minħabba investigazzjonijiet li l-Pulizija kienet qed tagħmel b’rabta mal-isparatura tal-Kuntistabbli Paul Sheehan, ix-xufier tal-eks Ministru Manwel Mallia.

Ftit taż-żmien wara, l-Ispettur Micallef kien ġie mkeċċi mill-Korp tal-Pulizija minħabba l-fatt li kien ħalla raġel b’sentenza ta’ priġunerija jmur il-ħabs bil-karozza tal-linja. Iżda sentejn ilu kien tħalla jirritorna fil-Korp.