Hekk kif il-Ġimgħa kien hemm seduta oħra tal-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, iktar nies minn Kastilja komplew jispikkaw bir-risposti taghhom….“ma nafx” jew “ma niftakarx.”
Fil-Qorti din id-darba kien imiss lil Kenneth Camilleri, eks uffiċjal tas-sigurtà tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat li ddikjara li ltaqa’ diversi drabi mal-middleman Melvin Theuma imma qatt ma qal lil Keith Schembri dwar dan.
Melvin Theuma, taħt ġurament, kien identifika lil Kenneth ta’ Kastilja bħala l-bniedem li kien qed iwassal il-messaġġ li t-tliet akkużati bil-qtil kienu se jinghataw il-bail.
Camilleri ammetta wkoll li ripetutament akkumpanja lil Neville Gafà fuq vjaġġi lejn il-Libja, inkluż meta dan iltaqa’ mal-kap tal-milizzja Libjana Haithem Tajouri. Madankollu Camilleri qal li ma jafx x’kien jingħad fil-laqgħat …..għax Gafa’ kien jitkellem bl-Għarbi.
Bħal kull min xehed qablu, anke Kenneth Camilleri qal li qatt ma ra lil Yorgen Fenech f’Kastilja. Dan minkejja li fil-log book li jiffirmaw il-viżitaturi, isem Fenech jidher 26 darba bejn l-2013 u l-2017.
Mistoqsi mill-Bord tal-Inkjesta, Camilleri ma ċaħadx li xxerja posts fuq il-midja soċjali li kienu jinċitaw mibegħeda fil-konfront ta’ Daphne Caruana Galizia.
Xehed ukoll Ray Barbara, eks assistent personali ta’ Joseph Muscat u li jokkupa position of trust bħala l-assistent tal-Prim Ministru Robert Abela. Hu jaħdem minn uffiċċju f’Kastilja.
Barbara qal li lanqas hu qatt ma ra lil Yorgen Fenech f’Kastilja, iżda ammetta li rranġa numru ta’ meetings bejn Joseph Muscat u Mark Gasan, li hu wieħed mix-shareholders tal-power station il-ġdida tal-Electrogas.
Għall-mistoqsijiet tal-avukat Jason Azzopardi, hu ddikjara li Joseph Muscat kien irrabjat ħafna meta Daphne Caruana Galizia implikat li mart il-PM, Michelle, kienet sidt kumpanija sigrieta fil-Panama. Dan filwaqt li kkonferma li Keith Schembri kellu diversi assistenti personali impjegati miegħu.
Mix-xhieda ta’ Corinne Vella, oħt Daphne Caruana Galizia, sar magħruf li Barbara kien juża email li jispiċċa @josephmuscat.com. Emails privati bħal dawn, li mhux tal-Gvern, ma jistgħux jiġu aċċessati mill-Awditur Ġenerali. Is-seduta li jmiss ġiet posposta mit-2 ta’ Marzu għall-4 ta’ Marzu.
//= $special ?>