Lokali

Propost it-twaqqif ta’ liġi li tirregola l-lobbying u l-ħolqien ta’ Reġistru tal-Lobbyists

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler, ħareġ dokument ta’ konsultazzjoni bi proposti dwar kif għandu jiġi regolat il-lobbying.

“Lobbying” tirreferi għall-isforzi min-naħa ta’ individwi u entitajiet privati biex jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tal-gvern għall-benefiċċju tagħhom.

Id-dokument għandu l-għan li tiżdied it-trasparenza u jissaħħu l-istandards fit-tmexxija. Ir-regolamentazzjoni tal-lobbying għandu wkoll ixejjen l-użu ta’ influwenza (trading in influence), li huwa reat kriminali.

Il-Kummissarju qed jipproponi li l-lobbying għandu jkun regolat permezz ta’ liġi ġdida msejħa l-Att dwar ir-Regolamentazzjoni tal-Lobbying. Dan l-Att għandu jiddefinixxi l-lobbying bħala kull “komunikazzjoni relevanti” dwar “materji relevanti” li ssir lil “uffiċjali pubbliċi identifikati”. Id-dokument ta’ konsultazzjoni jipproponi tifsiriet dettaljati għal dawn it-tliet frażijiet.

Id-dokument jipproponi li kull persuna jew entità li tkun involuta fil-lobbying għandha ġġib ruħha skont kodiċi ta’ mġiba. Barra minn hekk, uħud minn dawn il-persuni u entitajiet għandhom ikunu obbligati jirreġistraw f’Reġistru tal-Lobbyists li jinżamm mill-Kummissarju għall-Istandards.

Dawn il-lobbyists għandhom jissottomettu aġġornamenti regolari dwar l-attivitajiet tagħhom.

Dan apparti li jipproponi li l-ministri, is-segretarji parlamentari, u l-kapijiet u d-deputati kapijiet tas-segretarjati tagħhom għandhom jirreġistraw kull komunikazzjoni relevanti (inkluż laqgħat) f’Reġistru tat-Trasparenza li għandu jkun aċċessibbli għall-pubbliku.

Il-Kummissarju qed jipproponi wkoll li l-ministri, is-segretarji parlamentari u xi uffiċjali oħra tal-istat m’għandhomx jitħallew jaġixxu bħala lobbyists għal perjodu ta’ żmien wara li jispiċċaw mill-karigi tagħhom. B’hekk, interessi privati ma jkunux jistgħu jakkwistaw influwenza żejda fid-deċiżjonijiet tal-gvern bissaħħa ta’ uffiċjali anzjani li jkunu għadhom kemm spiċċaw mill-kariga.

Fl-aħħar nett, id-dokument jipproponi li għandu jkun hemm ministru responsabbli għall-amministrazzjoni tal-Att, skont il-prattika stabbilita, iżda lAtt għandu jiġi inforzat mill-Kummissarju għall-Istandards. Il-Kummissarju għandu jkollu s-setgħa li jimponi penali amministrattivi, iżda bil-possibbiltà ta’ reviżjoni mill-qrati.

Id-dokument ta’ konsultazzjoni jista’ jitniżżel minn:
https://standardscommissioner.com/wp-content/uploads/consultationpaper-lobbying.pdf.

Kull min jixtieq jista’ jibgħat il-fehmiet tiegħu dwar il-proposti lill-Kummissarju matul il-perjodu ta’ konsultazzjoni, li se jibqa’ miftuħ sat-30 ta’ April 2020. IlKummissarju bi ħsiebu jirrevedi l-proposti tiegħu fid-dawl tar-reazzjonijiet talpubbliku. Huwa mbagħad jippreżenta l-proposti riveduti lill-gvern bħala rakkomandazzjonijiet formali skont l-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika.