Il-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista ddiskuta l-proposti tekniċi li taw ir-rappreżentanti tiegħu fil-Kumitat Tekniku li qed jistħarreġ mekkaniżmu Kostituzzjonali li jwassal għal aktar ugwaljanza bejn nisa u l-irġiel fil-Parlament.
Is-sena l-oħra l-Gvern kien ippubblika Green Paper bit-tema Lejn Rappreżentanza Ugwali, u waqqaf Kumitat Tekniku. Fit-8 ta’ Ġunju tal-2019, il-PN ppubblika l-ewwel reazzjoni tiegħu kostruttiva fuq is-suġġett. Fil-5 ta’ Settembru tal-2019, il-Kap tal-PN u tal-Oppożizzjoni Adrian Delia nnomina lil Graziella Attard Previ u Alessia Psaila Zammit bħala r-rappreżentanti tal-partit fuq il-kumitat tekniku appoġġjati minn Tonio Borg bħala konsulent Kostituzzjonali.
Peress li fir-realtà huma n-nisa li s’issa l-anqas li jkunu eletti, il-proposta hi li jiddaħħal mekkaniżmu korrettiv fil-Kostituzzjoni li jippermetti li jiżdied in-numru tal-membri parlamentari nisa sa massimu ta’ sitta fuq kull naħa tal-Kamra tad-Deputati. Il-Grupp Parlamentari Nazzjonalista iddiskuta l-analiżi kritika u l-alternattivi tekniċi li ħejja t-tim tal-partit li qed jiltaqa’ mal-Kumitat Tekniku.
Ilbieraħ filgħaxija l-Kumitat Eżekuttiv sema’ u ddiskuta preżentazzjoni dettaljata ta’ din l-analiżi u kif qed jiġi propost li għandu jaħdem il-mekkaniżmu korrettiv li jġib bilanċ aħjar bejn in-nisa u l-irġiel fil-Parlament. L-Eżekuttiv qabel li għandu jsir minn kollox biex nisa jiġu eletti fil-Parlament. Bl-iskop li nersqu kmieni kemm jista’ jkun lejn din il-mira, l-PN jaqbel li għandna nirrikorru għal xi mekkaniżmu korrettiv li bis-saħħa tiegħu jiżdiedu l-Parlamentari nisa. Il-partit isostni li minbarra mekkaniżmi bħal dawn hemm bżonn aktar ħidma biex tissaħħaħ il-kultura favur l-ugwaljanza u favur parteċipazzjoni sħiħa tal-mara f’kull qasam tal-ħajja Maltija nkluż fil-Parlament. filwaqt li fadal xi punti tekniċi li jridu jiġu ċċarati, il-Kumitat Eżekuttiv jaqbel li d-diskussjonijiet fil-livell tekniku immaturaw biżżejjed biex issa d-diskussjoni tgħaddi għall-livell politiku parlamentari.
Matul il-laqgħa, il-Kumitat Eżekuttiv esprima d-dispjaċir tiegħu għar-riżenja ta’ Marthese Portelli u fl-istess ħin irringrazzjaha tas-sehem u l-ħidma li wettqet fil-Parlament u fil-PN u awguralha li tkompli bil-ħidma tagħha fl-istess partit. Il-Kumitat Eżekuttiv irringrazzja wkoll lil Angelito Sciberras li matul dawn l-aħħar snin kien Direttur tal-Elcom filwaqt li feraħ lil Boris Scerri li se jkun qed jokkupa din il-kariga.

