Ambjent Lokali

Proposti ġodda biex tissaħħaħ l-industrija tat-tonn

Il-Federazzjoni Maltija tal-Akwakultura qed tipproponi numru ta’ miżuri ġodda biex ikun hemm tisħieħ fl-industrija tat-tonn f’pajjiżna.

Tul konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-lukanda Phoenicia fil-Floriana ntqal li Malta ma tistax tikber f’dan is-settur jekk ma jidħlux miżuri ta’ moniteraġġ u spezzjonijiet regolari. Intqal li fl-aħħar snin ittieħdu miżuri ta’ kontroll li għenu biex l-ispeċi tirkupra. Iżda llum hemm il-ħtieġa li jkun hemm pjan aħjar ta’ immaniġjar, u għalhekk il-Federazzjoni preżentat pakkett ta’ 20 miżura ġdida għal dan is-settur.

Fost l-oħrajn, proposta li tiddaħħal sistema ta’ punti, simili bħal dawk li ddaħlet riċentament għas-sewwieqa tal-karozzi biex f’każ ta’ ksur serju, dik is-sistema twassal biex int titlef il-liċenzja. Intqal u saret referenza b’saħħitha li l-kontroll fuq l-industrija tat-tonn ma jiddependix biss fuq il-farms, iżda fuq kulħadd, jiġifieri kull min imiss mal-kummerċjalizzajoni ta’ din l-ispeċi.

Intqal ukoll li l-kontrolli għandhom isiru mhux biss fuq il-baħar, iżda wkoll fuq l-art, u fejn ikun hemm il-ħtieġa jittieħdu l-passi kollha legali.

Intqal ukoll li l-idea tal-miżuri huwa li jkun hemm aktar serjetà u kontroll.

Tul il-konferenza tqajjem ukoll il-punt dwar iz-zejt li ħafna jinnutaw fi żmien is-sajf, u li bosta jgħidu li jkun ħiereġ mill-fish farms. B’reazzjoni għal dan, il-Federazzjoni qaltilna li ħafna drabi dan ikun fenomenu naturali. Tul is-sena jinġabru aktar minn 96,000 litru ta’ dan iż-żejt,  90% ikunu mill-gaġġeġ tal-fish farms waqt li l-10% l-oħra jkunu miġbura mill-baħar.

Tags