Ambjent Lokali Qorti

Protest kontra l-Gvern minn 25 bidwi li għandhom raba’ fil-Magħtab

Ħamsa u għoxrin bidwi li l-għixien tagħhom jiddeppendi minn raba li huma jaħdmu fl-inħawi tal-Magħtab ippreżentaw protest fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili bil-għan ewlieni li jissalvagwardjaw l-għixien tagħhom.

Huma qegħdin jgħidu li hemm theddida li l-Gvern jaqbad u jieħu r-raba tagħhom. Qal li jekk dan iseħħ, ikun ifisser aġir illegali u abbużi, li jirriżulta fi ksur tad-drittijiet tagħhom għal użu u t-tgawdija libera, ta’ propjetà li hija tagħhom.

Il-każ spiċċa fil-Qorti wara li l-bdiewa lkoll jinsabu mħassba dwar l-avviż tal-Wasteserve li jindika li se jsir eżerċizzju minn din l-entità biex jittieħdu, skont il-Gvern, madwar 226 tomna ta’ raba.

Il-protest sar kontra l-Ministru tal-Ambjent Aaron Farrugia u Wasteserv Malta fejn il-bdiewa qegħdin iżommu lill-awtoritajiet responsabbli għad-danni li jistgħu jsofu jekk il-Gvern jaqbad u jeħdilhom dak kollu li minnu jaqilgħu x’jieklu.

Il-protest li ġie ffirmat mill-Avukati Franco Debono, Amadeus Cachia u Claire Bonello jgħid li l-bdiewa nvoluti ilhom diversi snin jaħdmu l-artijiet fl-inħawi tal-Magħtab.

Fis-17 ta’ Diċembru li għadda ġie ppubblikat avviż fil-Gazzetta tal-Gvern, u li dan kien dikjarazzjoni tal-Awtorita tal-Artijiet li ħabbret li l-intenzjoni tagħha hija li għandha l-ħsieb li din l-art tiġi akkwistata għal skop pubbliku.

Il-bdiewa qegħdin jgħidu li jekk dan iseħħ se jiġu preġudikati mmens b’dan l-aġir tal-Gvern. Qalu wkoll li t-teħid ta’ dawn l-artijiet huwa konsegwenza tan-nuqqas ta’ aderenza mal-liġijiet, policies u Direttivi Ewropej rigward l-ambjent u l-immaniġġjar tal-iskart.

Ingħad ukoll fil-protest li l-faċilitajiet rigward l-immaniġġar tal-iskart huma kompletament mhux konformi mal-liġijiet fis-seħħ u saħansitra qegħdin joperaw mingħajr il-permessi validi.

Jekk dan iseħħ ifisser li dawn il-bdiewa se jiġu żgumbrati mill-għelieqi tagħhom u magħhom hemm ukoll residenti involuti li jistgħu jispiċċaw ikunu mkeċċija minn fejn qed jgħixu issa fl-istess inħawi.

Skont il-bdiewa involuti l-ammont ta’ raba li se tittieħed tlaħħaq mal-400 tomna. Filwaqt li skont il-kalkoli ta’ qisien li jidhru fil-Gazzetta tal-Gvern l-ammont ta’ raba li se jittieħed se jkun ta’ 226 tomna, li huma daqs 35 grawnd tal-futbol.

Il-Partit Nazzjonalista fil-jiem li għaddew tkellem bil-qawwa kollha kontra li din ir-raba tittieħed biex isir kontinwazzjoni tal-landfill u għalhekk kontra li din ir-raba tinqered. Il-PN minn naħa tiegħu se jibqa’ jaħdem fuq dan il-każ biex toħroġ il-verità kollha għaliex din ir-raba ser tittieħed, u xi skopijiet għandu l-Gvern.